X’inhuma l-ħsibijiet ta’ Christian Peregin għall-Partit Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

F’dan l-artiklu se nanalizza x’inhuma l-għanjiet ta’ Christian Peregin għall-Partit Nazzjonalista kif jirriżulta mill-intervista li kellu mas-Sunday Times of Malta l-Ħadd 25 ta’ Lulju. Meta mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista għandux ċans jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja, hu rrisponda li kollox hu possibbli. Imma ffoka l-iżjed li l-Partit fil-gvern tilef il-fiduċja. Hu qal li jekk, u għamel enfażi kbira fuq il-kelma jekk, in-Nazzjonalisti jaħdmu flimkien u jressqu l-istess ħsibijiet u viżjoni, ma tibqax impossibbli.

Peregin ammetta li quddiemu għandu muntanja għolja ma xix irid jikkumbatti, għax ovvjament jaf li l-klikka għadha hemm u taħdem minn taħt. Żgur li mhux qed jirreferi għal Dr. Adrian Delia, li baqa’ hemm jgħin kemm jiflaħ lill-partit. Kompla li ovvjament barra li l-partit irid jingħaqad, imbagħad trid tara s-saħħa tal-Partit Laburista, li għandu magna propogandistika tajba ħafna u għandhom l-għajnuna li huma qiegħdin fil-Gvern.

Biss Peregin għamel affermazzjoni li, jekk il-Partit Nazzjonalista jkun kapaċi jibni strateġija fejn jixtieq jieħu lill-pajjiż fi żmien 20/30 sena oħra u jagħti direzzjoni kif nistgħu nkunu ħafna aħjar milli qiegħdin illum f’aspetti diversi bħal l-ambjent u l-ippjanar eċċ, kollox hu possibbli.

Peregin ġie mistoqsi dwar il-kawża li fetaħ li tolqot il-medja tal-partiti politiċi. Huwa qal li hu ma għandux il-ħsieb li jiddetta jew jorkestra il-medja tal-Partit Nazzjonalista. Huwa jixtieq ibiddel strateġikament bil-ħsibijiet tiegħu u jidħol fid-diskussjonijiet dejjem fuq livell ta’ strateġija.

In-nies fin-NET jixtiequ aktar liberta’ editorjali u ħafna aktar indipendenza biex ikunu aktar kredibbli u jirrispettaw ħafna iżjed l-inteliġenza tan-nies.

Hawnhekk Peregin ma semma xejn dwar l-indħil li għaddej fil-partit mis-soċjeta ċivili, li saħansitra jindaħlu fil-messaġġi li tgħaddi l-medja Nazzjonalista. Forsi kien ikun aktar interessanti kieku Peregin laqgħat dan l-ispont ukoll. In-Nazzjonalisti jridu ħafna aktar kjarezza ta’ min tabilħaqq qed imexxi u jiddetta l-aġenda tal-Partit bħalissa.

Peregin qalilna li jaf li l-accounts tas-settur tal-medja ilhom ma jiġu preżentati għal dawn l-aħħar 17-il sena. Huwa qal li jixtieq jara t-trasparenza fi ħdan il-partit. Ammetta li meta jkollok daqshekk snin ta’ accounts mhux preżentati l-problema tkompli tikber, għax ħafna nies ikunu telqu posthom u nies oħra jkunu daħlu.

Tkun diffiċli li taħdem fuq is-snin li għaddew. Anke biex tagħmel l-awditjar se jkun diffiċli. La Peregin qal li jixtieq jipprova jsolvi din is-sitwazzjoni, jista’ jekk jogħoġbu jibda jelenka l-ismijiet ta’ dawk in-nies kollha li suppost għamlu xogħolhom sewwa? Nistgħu nkunu nafu min kienu n-nies li suppost kienu responsabbli biex jippreżentaw dawn l-accounts? Jista’ jgħidilna min kien it-teżorier tal-partit 17-il sena ilu li beda t-triq ta’ nuqqas ta’ preżentar ta’ dawn id-dokumenti tant importanti.

Fuq is-suġġett tat-trasparenza, Peregin ġie mistoqsi biex juri kemm idaħħal flus il-Partit Nazzjonalista minn reklamar tal-Gvern u kemm huma l-ammonti li jidħlu minn kumpaniji diversi li jirreklamaw mal-Partit Nazzjonalista. Imma għalkemm jixtieq jara din it-trasparenza, Peregin qal li se jkun hemm problemi ta’ sensittivita’ kummerċjali biex turi kull ma jidħol għand il-Partit mir-reklamar. Anke biex jgħid liema huma l-kumpaniji li jirreklamaw u kemm iħallsu mhux se jkun faċli, imma l-għan tiegħu hu li fejn ikun possibbli jixtieq jara li dawn ikunu affarijiet li jkunu ħafna aktar trasparenti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *