L-ewwel intervista ta’ Mark Anthony Sammut: wara li żera’ il-firda issa jrid l-għaqda

Blog post minn osservatur politiku

Mark Anthony Sammut ta l-ewwel intervista tiegħu minn meta tellaq waħdu u sar President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fiha appella lil dawk kollha li għal xi raġuni huma mdejqa għall-mod kif qed jimxi l-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jibżgħux jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista u jkunu parti mill-bidla. L-eżempju jkaxkar. Hekk għamilt int sentejn ilu meta flok ersaqt lejn il-partit, ersaqt lejn it-tesserati ħalli jagħtuk firma biex tgħaddi vot ta’ sfiduċja fil-kap tiegħek. Imbagħad agħar minn hekk, ma aċċettajtx id-deċiżżjoni tal-vot li ridt int stess u komplejt tinsisti li Adrian Delia jitqaċċat, sa meta rnexxielek.

Il-gazzetta rrapurtat li Mark Anthony qal li “il-Partit Nazzjonalista qed jiftħilhom il-bibien beraħ biex javviċinawna u jħossuhom komdi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li quddiemu għandu xogħol kbir xi jwettaq”. Lanqas lil kap tiegħek ma kont tħalli jitkellem meta kont President tal-Esekuttiv, wara li jkun qala’ xi tgħajjira mhux mistħoqqha, minn xi membru tal-esekuttiv. Dak l-eżempju li għandna nieħdu minn għandek.

Kompla jgħidilna li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ tiġdid u jixtieq jara aktar nies li qatt ma kienu parti mill-istrutturi tal-partit. Ara jressquhomx lejk lin-nies il-ġodda ħa tilqagħhom bħalma lqajt lil Dr Delia int. Mistgħaġbin kemm kont għannaqtu u bistu meta daħal l-ewwel darba d-Dar Ċentrali bħala kap.

Imbagħad qalilna li japprezza l-fiduċja li tawh il-kunsillieri fl-elezzjoni ta’ ġimgħatejn ilu. Għamilt ftit kalkoli Sur Sammut? Taf li kellek l-appoġġ ta’ 60 fil-mija biss tal-kunsillieri warajk? Qalilna wkoll li jrid jerbaħ il-fiduċja ta’ dawk li ma vvutawlux. Tgħid se tagħmel bħalma għamilt meta kont president tal-esekuttiv, meta ffaċċjat l-ewwel intopp dabbart rasek?

Il-gazzetta ikkwotatu jgħid li: “huma mistiedna biex jingħaqdu magħna, insibu dak li jgħaqqadna, u flimkien nagħtu futur sabiħ lil pajjiżna.” Eżatt hekk għamilt int fit-tliet snin ta’ Adrian Delia bħala kap. Int fittixt dak kollu li jifred biex tkisser u tkompli tisfiduċja lill-kap tiegħek. Issa trid issib dak li jgħaqqadna? Kompla jgħid li: ‘filwaqt li l-Partit Nazzjonalista nirrikonoxxu li għadda minn żmien diffiċli”. Tort ta’ min ġara hekk? Tort tiegħi li qed nipprova nuri kemm int giddieb u ġakbin? Tort ta’ Adrian Delia u l-erbgħa min-nies ta’ madwaru, jew tort tiegħek u ta’ sħabek li ma ħmiltuhx jaħdem?

Oħroġ il-għaġeb, Mark Anthony Sammut qal li l-Partit Nazzjonalista hu: “Partit aktar iffukat, ħafna aktar organizzat u li għandu ħafna nies ta’ talent li qed jingħaqdu miegħu għaliex qed jirrikonoxxu li hu l-uniku alternattiva li għandu l-pajjiż biex tinġieb il-bidla li dan il-pajjiż għandu bżonn”. Qed tara x’qallek Mark Anthony? Fuq x’hiex kont iffukat int fi żmien Delia? Li tressaq vot ta’ sfiduċja. Kif inhu aktar organizzat? Għax mingħajr mistħija ta’ xejn qed tħallu l-finanzi tal-Partit ikomplu jiżdid id-dejn qisu xejn m’hu xejn, imbagħad jaraw ta’ warajna. Fejn qiegħed l-uniku alternattiva li għandu l-pajjiż? Partit imkisser li kien, għadu u jibqa’ imkisser u maqsum f’diversi fazzjonijiet u dan kollu huwa riżultat tal-ħidma diviżiva li l-klikka valenuża, li kont parti qawwija minnha int, għamlu tul l-aħħar snin.

One comment

Leave a Reply