Wara tliet surveys disastrużi, ser tkun imsejħa laqgħa b’urġenza fid-Dar Ċentrali?

Blog post minn osservatur politiku

Tgħid d-Dar Ċentrali se tinfetaħ b’urġenza biex jitlaqqa’ l-grupp parlamentari biex issir diskussjoni ċivili wara r-riżultat diżastruż tas-survey imxandar mill-gazzetta The Sunday Times of Malta? Id-distakk qabeż il-50,000. Imma l-aktar inkwetanti d-differenza bejn iż-żewġ mexxejja: hawnhekk id-distakk qiegħed 85,000.

Bħala Nazzjonalist meta nara dawn in-numri nħossni ddisgustat u ddispjaċut. Inħossni hekk għax jien kont imwiegħed li mal-bidla tal-Kap l-affarijiet se jinbiddlu u se jittranġaw. Imma l-messaġġ tal-poplu, li huwa suprem, irid jasal fejn għandu jasal u jiġi studjat fit-dettal kollu tiegħu u trid issir xi tip ta’ eżami tal-kuxjenza.

Sa ftit iktar minn sena ilu dawn is-surveys kienu jesiġu laqgħat id-Dar Ċentrali li ma kienu jkunu ċivili xejn. Konna nisimgħu għajjat anke mit-toroq allavolja l-laqgħat kienu għaddejjien fir-raba’ sular tad-Dar Ċentrali. Għalhekk bdejt dan l-artiklu b’mod sarkastiku jekk din id-dar infettħitx b’urġenza biex issir laqgħa ċivili. Mid-dehra, what’s sauce for the goose is not sauce for the gander, f’dan il-partit, fejn tirrenja d-diviżżjoni bl-aktar mod flagranti.

Sa ftit tax-xhur ilu, l-klikka valenuża kważi lanqas kienet tistenna xi survey ikun stampat biex tibda titlob ras Adrian Delia, metaforikament fuq platt. U ħafna drabi, dan kienet tagħmlu fuq ir-riżultat personali tal-Kap tal-Partit meta mqabbel mal-mexxej tal-Partit Laburista.

Illum għandna riżultat li kważi qiegħed fuq l-istess livell ta’ numri għal Bernard Grech, meta mqabbel ma’ l-agħar sitwazzjoni ta’ Adrian Delia. Imma s’issa għadna ma smajna xejn. Hawnhekk wieħed irid jgħaddi ftit kummenti dwar dak li ġara u dak li qed jiġri. Mela l-klikka valenuża xhur ilu, b’riżultat simili ħafna tal-lum, kienet marret għand il-President ta’ Malta biex b’xi mod legali u skond il-kostituzzjoni, ippruvaw b’mossa maħsuba, jtajru lil Adrian Delia.

Kellna diversi mħuħ, esperti fuq il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, li ppublikaw l-interpretazzjoni tagħhom. Ta’ min wieħed jistenna jekk illum jagħtux ħarsa oħra lejn il-kostituzzjoni. Għaliex qed ngħid dan? Meta sar kap Adrian Delia, dan kien sar bl-aktar mod miftuħ u trasparenti li seta’ joffri partit politiku lit-tesserati tiegħu. Ir-riżultat kien ċar u indikattiv ħafna. Illum, għalkemm Bernard Grech tela’ bl-istess mod ta’ vot mit-tesserati, kellna xenarju totalment differenti. L-ewwelnett lil Adrian Delia qaċċtuh b’nofs leġislatura.

Żgur ma kienx iż-żmien idoneju li jittieħed vot, imma l-klikka valenuża fl-għerf superlattiv tagħha, hekk riedet. Hemm ukoll il-fatt li l-aħħar tellieqa li saret, seħħet kontra persuna sedenti fil-post ta’ kap. Matul dak iż-żmien konna nisimgħu ħafna ħmieġ ħiereg minn xi wħud li wara kompla jinxtered minn oħrajn. Imma, għax ix-xitan ma għandux ħalib, dan il-ħmieġ kollu ġie miċħud minn min ħolqu u ġie wkoll iffirmat dokument li jgiddeb dak kollu li ntqal. Jiġifieri l-perċimess tal-gideb bela’ kollox, għalkemm jipprova jilgħabha tal-cowboy. Jiġifieri kien kollu bluff.

Leave a Reply