Kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jitlob il-flus meta mhux trasparenti mal-elettorat fl-infieq tiegħu?

Advertisements

Bernard Grech fl-aħħar qed jirrealizza li ma jistax jibqa’ sejjer jonfoq biss u ma jagħtix każ tal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Il-bieraħ, waqt intervent bit-telefon qal li l-partit tiegħu nieda kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li permezz ta’ fuljett mibgħut fid-djar qed jitlob xi ħaġa tal-flus fix-xahar. Il-ħsieb wara din l-inizzjattiva huwa li jinbena bank ta’ riżorsi finanżjarji.

Biex dan ikun suċċess il-Partit Nazzjonalista jrid ikun trasparenti mal-elettorat. U hawn tinsab il-problema kollha. Ma jistax ikun li jidħlu jaħdmu numru ta’ nies mal-partit u ħadd ma jagħti rendikont ta’ xi jkun qed jintefaq u kemm qed ikunu jiġu mħallsa. Lanqas biċċa artiklu jiddiskrivi x’inhu xogħolhom dawn in-nies ma nkiteb.

Kif tridhom in-nies jgħinu finanzjarjament meta hemm tant dellijiet ta’ nfiq ta’ flus bl-addoċċ, basta jinqdew ftit nies li kienu parti mill-kampanja ta’ Bernard Grech biex isir kap. Anke l-impjieg ta’ Christian Peregin ta fastidju lil ħafna nies, meta għaddejjin ħafna spekulazzjonijiet dwar l-ammont ta’ flus li qed jitħallas. Dan is-sit kien l-ewwel wieħed li tkellem dwar il-ħlasijiet mogħtija lil Christian Peregin.

Fuq kollox, Peregin kien jiftaħar u jinsisti fuq it-trasparenza politika. Issa ma jridx jgħid kemm qed jieħu flus għax skont hu, din hija ta’ natura kummerċjali sensittiva. Mela jekk din hija ta’ natura kummerċjali għaliex qed titlobu l-flus mill-poplu Malti? Minn meta nies fil-kummerċ jmorru jagħmlu l-ġabriet għall-flus? Kif jista’ partit jippretendi li l-poplu Malti jagħtih l-flus ħalli jitħallas is-salarju ta’ Peregin u sħabu meta dan l-anqas iridu jgħidu kemm qed jaqilgħu!