Il-bieraħ ma saret l-ebda referenza ta’ sustanza għas-survey disastruż fl-analizi tal-ġurnali fuq Net TV

Biex jiġu analizzati l-gazzetti, il-bieraħ, il-Ħadd 25 ta’ Lulju, in-Net TV kellu lil Clare tippreżenta l-program u Jerome Caruana Cila, kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Jamie Vella, President tal-Fergħa Opportunitajiet Indaqs, bħala mistednin. L-ewwel suġġett li ġie diskuss kien dan l-istess survey tal-gazzetta msemmija. Meta tkellmu kemm Jerome kif ukoll Jamie, it-tnejn iffukaw fuq id-differenza li hemm bejn il-partiti politiċi.

Ħa niġbed l-attenzjoni lejn realta’ oħra, li ħarġet minn dan is-survey ta’ The Sunday Times. Jirriżulta wkoll li hemm distakk enormi bejn Dr Robert Abela, mexxej tal-Partit Laburista, u Dr Bernard Grech, kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa distakk ta’ 85,000 u ma nistax nifhem u huwa diffiċli li naċċetta kif titkellem fuq survey u ma tagħmilx lanqas referenza lejn din id-differenza esaġerata, li hemm bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti.

Jiftakru dawn in-nies li minħabba dawn in-numri twarrab kap ta’ partit? Jiġifieri għal Adrian Delia kienu ħżiena u għal Bernard Grech ma nitkellmux fuqhom? Hekk se nanalizzaw is-survey diżastruż li għandu quddiemu l-Partit fl-Oppożizzjoni, ma nistgħux ma nsemmux kif, bħal dan iż-żmien sena, Dr Bernard Grech kien qed jiġi mpinġi bħala s-salvatur tal-partit minn Jamie Vella u sħabu. Dan sar b’kontinwita’ fil-kampanja tat-tellieqa tal-kap. Kien hemm ħafna li xprunaw din l-idea. Dan kollu biex jaslu għar-riżultat, mixtieq dak iż-żmien, li jitwarrab Adrian Delia.

X’qalu dawn iż-żewġ analisti dwar is-survey? Dawn ma sabu ebda skuża għaliex survey ieħor qed jindika hekk. Dawn ma qalux għax hemm il-football jew hemm l-Olympics almenu. Iż-żewġ kelliema marru mill-ewwel fuq kif wieġbu l-parteċipanti ta’ dan is-survey u ħarsu lejn ir-raġunijiet prinċipali ta’ dawk li qalu li se jivvutaw mod jew ieħor. Pruvaw jagħtu l-impressjoni li għax issa daħal Chris Peregin mal-Partit Nazzjonalista allura n-Nazzjonalisti se jimlew rashom li l-partit se jibda juri avvanzi fin-numri.

Allaħares noqgħodu nispekulaw fuq dawn l-affarijiet u ma narawx ir-raġunijiet veri għaliex il-partit qiegħed f’ħondoq, għax nindunaw kemm la jafu jaqraw il-messaġġi politiċi tan-nies u lanqas ma huma kapaċi isibu modi kif jistgħu jtaffu minn dan id-diżastru tal-opinjoni pubblika.

F’program ta’ analiżi tal-gazzetti nħoss li wieħed għandu jħares biss lejn il-messaġġ miktub, fuq kwalunkwe suġġett. Tipprova tifhem ukoll x’qed jgħidulek il-ġurnalisti u l-opinjonisti li jiktbu fihom. Inutli jiġi Jerome Caruana Cilia u joqgħod jippontifika x’qed jgħidlu dak u l-ieħor biex jurina li qed jagħmel il-house visits u li qed jmur għall-festi tad-distrett. Tajjeb li tieħu nota ta’ dawk l-affarijiet u tressaqhom meta jkun il-waqt, imma tinqediex bl-analiżi tal-gazzetti biex tagħmel u ssaħħaħ il-kampanja elettorali personali tiegħek.

Jamie Vella jħoss li Chris Peregin qajjem vibe kbira fil-Partit u talab li kull min għandu xi ħaġa li jista’ joffri lill-Partit, għandu jersaq lejn il-partit u mhux joqgħod jikkritika fil-kwiet ta’ daru. Nifhem li din l-għażla ġiet milqugħa b’entużjazmu kbir fil-forum li jmexxi huwa.

Claire, il-preżentatriċi qalet waħda tajba. Din f’ħin minnhom semmiet li l-Partit Nazzjonalista jrid jinżel man-nies u qalb in-nies. Kemm għandha raġun! Imma Clare taf li dan kien qed isir fit-tliet snin ta’ Adrian Delia u l-klikka valenuża ma għoġobhiex taċċetta dik il-politika. Biex toħroġ b’xi ħaġa bħal din il-preżentatriċi bil-fors li ma kienetx taf x’sar matul iż-żmien ta’ Adrian Delia bħala kap. Kieku żgur ma kienetx tgħidha.

Meta daħal fid-diskussjoni Dr Peter Agius, dan ovvjament ipprova jimpressjona billi qal li bagħat għalih Dr Bernard Grech biex jgħinu biss ma qal xejn dwar dan is-survey.

One thought on “Il-bieraħ ma saret l-ebda referenza ta’ sustanza għas-survey disastruż fl-analizi tal-ġurnali fuq Net TV

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *