Bernard Grech irid li tieqaf il-kritika kontrih min-Nazzjonalisti fuq Facebook

Advertisements

Il-bieraħ Dr Bernard Grech għamel intervent bit-telofon. Fih tkellem fuq ħafna affarijiet. F’dan il-blog ser nittratta żewġ temi li tkellem dwarhom u huma marbuta ma’ xulxin. L-ewwel tema hija dik tal-pandemija u t-tieni tema hija l-kritika li Nazzjonalisti qed jagħmlu kontra l-Partit Nazzjonalista, jew aħjar kontra t-tmexxija ta’ Bernard Grech. Jiddispjaċini għal Bernard Grech. Biss numru ta’ Nazzjonalisti qed jarawh bħala użurpatur li bil-wiċċ tost kollu ġab persuna li ftaħar li hija ttesserata tal-Partit Laburista u ta salarju fenominali li issa qed jippretendi lin-Nazzjonalisti biex idaħħlu idejhom fil-but ħalli jħallsuhulu.

Diġa nkiteb fuq dan is-sit li l-pandemija ma għandiex tkun ballun politiku. Mela kull kritika li ssir fuq dan is-suġġett, xorta tibqa’ parti mill-proċess demokratiku u politiku ta’ pajjiżna. Dan huwa suġġett wisq delikat biex noqgħodu nużawh għal gwadann ta’ punti politiċi. Biss anki hawn il-Partit Nazzjonalista deher li hu maqtugħ min-nies u ma kienx kapaċi jikkritika u jantiċipa l-inkonsistenzi li hemm wara l-ordnijiet li qed toħroġ is-Supretendenza fuq dan is-suġġett. Il-partit fil-Gvern kien intelligenti u tefa’ fuq quddiem persuna li kienet tipproġetta lilha nnifisha bħala Nazzjonalista. Minflok mal-Partit Nazzjonalista ma ħarisx lejn l-uċuh, lagħab il-logħba tal-gvern u tilef. Issa ara xi ġralu. Ovvjament din kellha l-media kollha magħha għaliex kienet qed tiġi mħallsa b’riklami favur il-miżuri u t-titqib.

Waqt li dak kollu li jrid isir irid ikun bil-galbu u kull min għandu opinjoni, għandu jaqsamha mal-awtoritajiet konċernati, il-Partit Nazzjonalista ma jista’ jidher li hu mixtri. Peress li fil-qasam tas-saħħa ma kienx hemm djalogu u kellna dittatura u taħwid, il-Partit Nazzjonalista ma kienx kapaċi jkun il-vuċi tal-poplu u b’hekk dawk li ma qablux ma dawn ir-regolamenti, ma kellhomx triq oħra għajr li jmorru fuq Facebook jew mezzi oħra biex juru d-disapprovazzjoni tagħhom.

L-istess ġara fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dr. Grech qed jiddejjaq li Nazzjonalisti qed jikkritawh. Biss Dr Grech irid jifhem li l-kritika, ġejja minn fejn hi ġejja, hija veikolu li jressaq lill-partit iżjed qrib in-nies. Hawn min jista’ jikkritika permezz tal-ġurnali jew xi portal u hawn min jista’ jitfa’ kumment fuq Facebook. Jekk il-kritika tkun kostruttiva, tiġi minn fejn tiġi, hija dejjem valida u relevanti.

Mela ma naqbilx mad-dikjarazzjoni ta’ Dr Grech li min jikkritika lill-Partit Nazzjonalista fuq Facebook qed jagħmel ħsara lill-pajjiż. Ara meta sħabu kienu jikkritikaw lil Dr. Delia, qatt Bernard Grech ma qal li qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż. anzi dak iż-żmien il-kritika kienet tajba u kostruttiva.

Il-ħsara lill-pajjiż u lill-partit jagħmilha dak il-mexxej li jħaddem miegħu merċenarji. Ġa Macchiavelli, madwar ħames mitt sena ilu, wera li l-agħar ħaġa li politiku jista’ jagħmel huwa li juża l-merċenarji bħala għodda politika. Issa jekk parti mill-poplu Nazzjonalista mhux qed taqbel mad-deċizzjoni ta’ Bernard Grech, il-Facebook sar f’Malta l-mod modern kif jitwassal faċilment din il-kritika, bħala ma twitter huwa l-mod modern kif titwassal il-kritika ġewwa r-Renju Unit.