Bernard Grech irid jgħid pubblikament jekk għandux fiduċja f’Alfred Camilleri jew le

Bħalissa l-FATF huwa suġġett jaħraq u allura jissemma f’kull diskors li jsir. Dan reġa ssemma l-bieraħ fid-diskors li għamel Bernard Grech bħala parti mid-diskorsi fuq r-radju ta’ kull nhar ta’ Ħadd meta intervjena permezz tat-telefon. Jiena mhux se noqgħod indur mal-lewża, jekk irid jitwemmen Bernard Grech, irid jgħid pubblikament jekk għandux fiduċja fis-segretarju permanenti tal-ministeru tal-Finanzi. Dan huwa ic-chairman tal-kumitat li qed jipprepara dak kollu li hu meħtieġ biex pajjiżna joħroġ minn fuq il-lista l-griża. Dan il-paroli kollu li qed isir huwa kollu għalxejn. Jew għandna fiduċja fit-team ta’ esperti jew ma għandniex. Qed nippruvaw nagħmlu ħilitna biex inressqu l-boċċa lejn il-likk, mingħajr ma ngħidu iswed dak li hu iswed u abjad dak li hu abjad. Alfred Camilleri huma l-persuna li qed tmexxi dan il-kumitat. Huwa l-espert prinċipali f’dan it-tragward. Jekk għandna fiduċja fih nieqfu nparlaw. Jekk ma għandniex niddikjarawh u ngħidu għal xix u mhux noqgħodu nilgħabu bid-diskors.

L-Inews irrappurtat li Bernard Grech qal li

Bħala Prim Ministru se nieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa u min għandu jitressaq il-qorti, se nipproteġih jew naqbeż għalih. Se nkun liberu nieħu dawn id-deċiżjonijiet biex pajjiżna jieħu l-kredibbiltà. L-FATF se jaraw li għamilna l-liġijiet u li Malta huwa pajjiż rispettabbli u kredibbli.

Dr Grech semmejt il-kredibilita’ darbtejn f’din is-silta. Jiena se nistaqsik, kif jista’ l-poplu jkollu l-kredibilita’ fik jekk int għidt li se tieħu deċizzjonijiet drastiċi fil-partit tiegħek u sa issa għadek ma ħadt xejn? Kif tista’ tkun kredibbli meta, kif spjegajt fuq, qed tilgħab bid-diskors? Allura jekk ma toħodhomx int fuq livell ta’ partit kif tista tikkonvinċina li se tieħu deċiżżjonijiet fuq livell ta’ nazzjon?

Il-lista l-ħamra tal-Ingilterra hija xi ħaġa li pajjiżna kien qed jistenna. Aħna, għalkemm żgħar, konna qed nieħdu ħafna xogħol ta’ servizzi finanzjarji lill-Ingliżi u allura konna u għadna ta’ telf għalihom. Issa li ħarġu mill-Unjoni Ewropea jistgħu jattakkawna u jżebilħu jsimna biex jerġgħu jieħdu lura lejn pajjiżhom ix-xogħol li ħadnilhom. Il-lista l-griża għinet lill-Ingliżi biex jieħdu deċiżżjoni li fl-opinjoni tiegħi, ilhom jikkontemplaw biex jieħduha.

Għalhekk aktar minn qatt qabel, il-kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun ċar u jgħid jekk għandux fiduċja fl-esperti li qabbad il-gvern biex imexxu dan il-kumitat. Jekk ma għandux jgħidha b’mod ċar. Jekk għandu jieqaf jattakkhom b’mod indirett kif qed jagħmel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *