Kif il-media ttrattat l-appel fil-każ taż-żewġ periti li nstabu ħatja fil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace

Il-bieraħ, il-ġurnali gabu l-aħbar li l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika appella mis-sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud dwar il-kundanna taż-żewġ periti fil-każ tal-qtil ta’ Miriam Pace.

Biss dak li laqatni huwa kif Net News, The Times u anki Newsbook irrappurtaw din l-aħbar. Mela fil-verita’ kemm l-Avukat Ġenerali u anki l-periti appellaw mis-sentenza tal-maġistrat Mifsud. Biss għal bidu, The Times ġabet li l-Avukat Ġenerali appella u ma semmietx l-appell tal-periti. L-istess għamlet Newsbook u anki Net News. Nifhem li l-ġurnalisti jista’ jieħdu xi żball. Anki jien nieħu żballji u wara nagħmel korrezzjoni. Biss f’dan il-każ inħoss li kien hemm aktar minn sempliċi żball u għalhekk qed nitkellem fuqu.

Infatti l-ewwel ma kkoreġiet dan l-iżball kienet The Times u ġabet fit-titlu tagħha li anki l-periti appellaw. Wara anki Newsbook għamlet korrezzjoni u daħħlet ukoll fit-titlu li anki l-periti appellaw.

Mela din is-sentenza tal-Maġistrat Mifsud ma għoġbotx kemm lill-periti li nstabu ħajta u anki lill-Avukat Ġenerali. Infakkar li l-kontroversja li nqalet kienet dwar il-piena li l-maġistrat Mifsud ta’ li ż-żewġ periti li ħafna qiesu li kienet ħafifa wisq. Biss meta tara li ż-żewġ naħat appellaw ifisser, kontra dak kollu li ntqal, li din kienet sentenza tajba.  

Infakkar li minħabba din is-sentenza, kellna ex-Prim Mħallef jikteb fil-ġazzetta. Kellna karikatura u anki editorjali kontra l-Maġistrat Mifsud.

Biss għala qed nikkritika lill-media? Infakkar li l-Avukat Ġeneral appella il-bieraħ t’lura, jiġifieri l-Ġimgħa, 21 ta’ Lulju. Il-periti appellaw f’nofs il-ġimgħa, jiġifieri qabel l-avukat ġenerali. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Għala The Times ma ġabet xejn meta appellaw il-periti, biss ġabet meta appella l-Avukat Ġenerali? L-istess jgħodd għall-Newsbook, il-gazzetta tal-knisja Kattolika Maltija. Fi kliem ieħor, il-media tal-isqof tirrepeti dak li qalet The Times, mingħajr ma tiċċekkja – l-aqwa li l-Maġistrat Mifsud ikun mqiegħed f’dell ikrah.

Biss hemm mistoqsijiet importanti li kont nistenna l-media tistaqsi dwarhom. Il-Parte Ċivili kienu kkonsultati mill-Avukat Ġenerali meta għamel l-appell? Jew l-appell għamlu għax saret pressjoni mill-media u xejn aktar? Riedet l-familja ta’ Miriam Pace tappella? U x’kienet il-pożizzjoni tal-pulizija f’dan il-każ? Riedet il-pulizija tappella jew le?  Fi kliem ieħor, x’qalet il-pulizija lill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali dwar jekk għandux ikun hemm appell jew le?

Issa ntgħażlet it-triq tal-appell. Appell jista’ jieħu s-snin sakemm jinqata’. Fuq kollox, wieħed irid jiftakar li kien l-Avukat Ġeneral innifsu li indika x’tip ta’ akkużi li dwarhom kellhom jinstabu ħajta jew le l-akkużati, jiġifieri f’dan il-każ il-periti.

Dan ifisser li ma jistax jinħareġ att ta’ akkuża kontra l-kuntrattur u l-bennej qabel jintemmu l-proċeduri b’mod definit kontra l-periti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *