QUO VADIS “ VIŻJONI u MISSJONI” Artiklu 2 tal-ISTATUT ĠDID FJAMANT TAL-P.N.?

Blog post minn Dr Hermann Paul Farrugia  MD

Speċjalista’ mediku fl-endokrinoloġija u mard metaboliku.

Kważi kulħadd donnu li qiegħed issa jiffissa fuq il-kriterji stabbiliti tal-lista l-griża. Dik tad-dixxiplina fiskali li ġiet issa imposta fuq in-Nazzjon tagħna kollu wara tant deċennji ta’ abbuż rikorrenti fit-tħaris tal-ħlas ta’ dak kollu li ċ-ċittadin Malti/Għawdxi huwa ċivikament mistenni li kull sena jgħaddi lil Ċesri (li fil-każ tagħna m’huwa ħadd ħlief l-Istat Malti).

Imbagħad hemm ukoll min ġustifikatament għadu jirsisti sabiex kuljum jissielet l-abbużi li tinkorpora l-LISTA ĦADRA-KAĦLANIJA; dik tal-ħarsien tal-ambjent, tas-salvataġġ tal-ekosistemi tal-Ibħra u Oċeani kif ukoll tat-tgawdija tal-wirt storiku kulturali tagħna. Dal-patrimonju naturali għandhom id-dritt sagrosant li jirtuh bla mittiefes l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Iżda tabilħaqq teżisti lista KANNELLA-ĦAMRANIJA li taf tieħu bixra SEWDENIJA ukoll. Din tikkorrespondi għall-‘prodott’ tal-iskartar awtoimpost wara l-iffragmentar tas-sura naturali ta’ ħlejqa ġdida vulnerabbilissima… sottoposta intortament u li tisfa’ ikkundannata mhux talli bla ħtija iżda bla għażla u saħansitra bla ebda rikors ġust għal appel, għall-ħniena jew għall-klemenza.

U paradossalment dan l-iżnaturar oxxen tal-ħajja umana bikrija ġeneralment jinqeda bl-istess passaġġ strutturali ġenitali li huwa hu stess maħluq sabiex inissilha u jistabilixxiha.

Din l-aħħar lista japprezzaha inerentement u jitqabad għaliha bil-qawwa kollha l-Partit Nazzjonalista. Almenu din kienet il-verita’ sagrosanta minn mindu twaqqaf il-Partit Nazzjonalista u ndubbjament issostniet b’ćertu żelu u kuraġġ sa’ lejn tard is-sena 2020.

Din kienet is-sena li rat tiġdid rett. Strutturali, organizzattiv (anke jekk, kif kont aċċennajt ma’ Dr Louis Galea personalment, forsi ambizzjuż iżżejjed fejn għandu x’jaqsam it-tqassim amministrattiv reġjonali) kif ukoll it-twaqqif ta’ stil ġdid qisu manwal (bħal ma intelliġentement semmiet Dr Roberta Metsola dan l-aħħar) sabiex fil-partit iseħħ aktar ordni intern, strutturat u ddixxiplinat… li kapaċi jilqa’ għall-eżigenzi eżistenzjali tal-lum. 

Iżda l-istatut il-ġdid kif unanimament approvat ma ppermettiex dan l-avvanż intern Biss mingħajr mal-ewwel u qabel xejn amplifika u kkonsolida l-mission statement li tibqa’ r-RAISON D’ÊTRE’ intrinsika fl-eżistenza u tal-ħidma politika tiegħu. Mela, kif jidher fil-pagni rilevanti li qiegħed nuri hawn taħt, il-lista KANNELLA-ĦAMRANIJA kważi SEWDENIJA il-Partit Nazzjonalista mhux talli għarafha, irrispettaha u ħarisha, iżda reġa’ għażel itambar li jagħmilha definittivament tiegħu. 

Sena ilu l-Partit Nazzjonalista unanimament deherlu li għandu jiddikkjara ruħu u fl-istess ħin jiggwida kontra l-istil ta’ agir egoist li iġib miegħu l-kunċett tal-“għażla ħielsa” u din bl-iskuża tas-suppost rispett għad-drittijiet sesswali u tas-saħħa ripproduttiva tal-mara Maltija. Din l-aħħar lista, lewn id-demm magħqud sewdieni, il-partit irnexxielu sal-lum isarrafha f’prinċipju essenzjali, parti mill-qafas (Dr Louis Galea sejjaħlu pern) tal-viżjoni u missjoni effettiva tal-Partit Nazzjonalista. 

Issa hawnhekk tajjeb li nemfasizza li t-terminologija wżata fl-istatut hija waħda li ma tħalli ebda twejqa imbexxka, assolutament ebda lok għal misinterpretazzjoni jew immanuvrar. 

Il-kelma KONĆEPIMENT hija magħżula distintivament u apposta. Tirreferi inaljenabbilment għal dak il-mument fatidiku li fih jingħaqdu ż-żewg gameti u għalhekk l-origini embrijologika tal-ħajja. Kieku l-istatut tal-partit ried jieħu bixra kemm kemm anqas riġida jew saħansitra aktar laxka kien żgur jirrikorri għan-nom sitwazzjonali ta’ bidu tal-ġestazzjoni/gravidanza jew sewwasew tqala. 

Mela tabilħaqq kieku kienet intgħamlet għażla ta’ din it-terminoligija ta’ “tqala” minflok dik tal-kelma assoluta “konċepiment” jew tnissil, l-istatut il-ġdid PN kif approvat kien jevita jiġi mġiegħel pereżempju jidħol fid-dubju ta’ kontroversji xijentifići li ġġib magħha l-aċċettazzjoni jew le tal-użu ta’ tip wieħed spećifiku tal-‘pirmla tal-għodwa ta’ wara’  (Morning After Pill [MAP]). Din fi ftit kliem bijoloġikament magħrufa li taf tbiddel is-sura taċ-ċelloli tal-‘lining’ intern tal-ġuf kif ukoll l-ambjent ormonali tal-madwar sabiex direttament tikkumplika / iddgħajjef jew saħansitra tostakola / timpedixxi l-agganġament / l-implantazzjoni u allura l-bidu stess definittiv tat-tqala.

Qiegħed nalludi għal dat-dettal kollu għax kif jidher ċar hawn taħt, la l-Partit Nazzjonalista s-sena li għaddiet ikkonferma solennement il-missjoni tiegħu kif espressament indikat f’artiklu 2(2) u saħansitra reaċċentwat u rinforzat permezz ta’ artiklu 2(10), kull sieħeb/sieħba membru tesserat huwa mistenni li i/tħaddan il-prinċipji elenkati fil-viżjoni politika tal-Partit Nazzjonalista hekk kif stipulat f’artiklu 4(1b). Mela kemm aktar huwa essenzjali, anzi indispensabbli li l-kandidati kollha antiki u dawk maħtura ġodda, li effettivament flimkien jikkostitwixxu il-wiċċ popolari tal-partit, kellhom jiġu eżaminati / skreenjati / ivvettjati qabel ma jkunu gew innominati mill-Kummissjoni Kandidati / Kunsill Amministrattiv u eventwalment approvati mill-Kumitat Esekuttiv. 

Mel’huwa tabilħaqq naturali u leġittimu f’ġieħ is-serjeta’, kredibilita’ u konsistenza statutorja, kull kandidat/a għall-elezzjoni ġenerali hu/hi min hu/hi, kellu/kellha bħala parti mill-proćess ta’ due-diligence personali u tal-iskrutinju tal-karattru u dak tal-imġiba, jiġi/tiġi mitlub/a j/tiffirma dikjarazzjoni uffiċjali li ser/sejra timpenja ruħu/ha j/taħdem fl-ambitu u taħt il-gwida esklussiva tal-prinċipji tal-partit kif elenkati ćar daqs il-kristall fit-tieni artiklu tal-istatut “viżjoni u missjoni”.

Leave a Reply