Il-pagi tas-segretarjat ta’ Adrian Delia kienu l-aktar ekonomiċi fl-istorja riċenti tal-Partit Nazzjonlista

Blog post minn osservatur politiku

Persuna tellgħet post f’dan is-sit fejn fih rreferiet għal dak li kien ġie ppubblikat snin ilu fil-Malta Today fejn kien ġie allegat li erba’ persuni fil-Partit Nazzjonalista kienu qed jieħdu 290K bejnithom. Il-Partit Nazzjonalista kien giddeb din ix-xniegħa. Biss naħseb li din il-persuna tkellmet qabel ma ħasbet, jew ħasbet wara li kitbet.

Imma biex tfajjar u tallega li fi żmien Adrian Delia kien hemm persuna fil-Partit Nazzjonalista li kellha salarju ta’ 90K fis-sena u erba’ li qed jieħdu 290K trid tkun kapaċi tissostanzja dak li tgħid. Tibbaża din l-allegazzjoni fuq rapport li deher f’ġurnal ma hux biżżejjed. Aktar u aktar meta dan kien imgiddeb. Hawn nista’ ngħid u niċħad kategorikament li fi żmien Adrian Delia kien hemm xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista li ħa salarju ta’ 90K fis-sena.

Fi kliem ieħor, fi żmien Adrian Delia, kien hemm nies fil-Partit Nazzjonalista li ħarġu b’din l-istorja biex issir ħsara lil Adrian Delia nnifsu. Dan l-artiklu fi-Malta Today jsir importanti għaliex xi ħadd fil-partit, li kien jaf kemm qed jitħallsu n-nies ġewwa l-partit stess għadda din l-informazzjoni lill-media, waqt li ma tax id-dettalji sewwa. Biss dak li għadda kien żballjat u maħsub biss biex jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista.

Dak li hu interessanti hawn li dawk il-persuni li jafu kemm kienu qed jitħallsu n-nies fil-Partit Nazzjonalista fi żmien Delia ma nbiddlux. Baqgħu l-istess persuni. Dawn jafu kif kienu qed jitħallsu n-nies qabel, bħalissa u kif se jkunu qed jitħallas, per eżempju, persuni bħala Peregin. Dawk risponsabbli baqgħu l-istess. B’hekk jekk hemm min jaħseb, fil-klikka ta’ Bernard Grech, li fi żmien Delia kien hemm xi abbużi, għandu jippubblika l-figuri.

Naħseb dawk fost il-ġurnalisti li qed jistaqsu kemm huma l-ħlasijiet għandhom jibdew jindagaw min jieħu deċiżżjonijiet ta’ dan il-kalibru. Forsi fuq dan li se ngħid jipprovaw jindagaw ftit aktar min huma dawk iż-żewġ persuni li hemm id-Dar Ċentrali li jafu eżatt is-salarji ta’ kull persuna li taħdem fil-kwartieri tal-Partit Nazzjonalista.

Għaliex qed ngħid dan? Għax meta tiftakar min kien hemm fi żmien Adrian Delia tibda taħseb fuq min seta tkellem dwar din l-informazzjoni. Mela bħala Segretarju Ġenerali kien hemm Clyde Puli. F’dan l-artiklu tal-Malta Today qed ikun allegat li kien qed jitħallas. Vera kien jitħallas imma kienx jieħu s-salarji li qed ikun indikat f’dan l-artiklu. Ivan Bartolo tas-6PM ġie indikat li kien qed jitħallas. Dan mhux veru. Sa fejn naf jien dan ma kienx jitħallas. Ma kien hemm ebda CEO, imma kien hemm Pierre Portelli jmexxi l-media li kien jitħallas u Jean Pierre Debono li kien impjegat tal-partit li wkoll ma kellux s-salarju li kien qed jitpinga li kellu.

Biss qabel ma Pierre Portelli daħal fil-Partit Nazzjonalista kien hemm CEO u dan kien imħallas. Jien se ntik l-ammonti kif nafuhom jiena. Mela s-CEO li qed nitkellem fuqu kien Brian St. John. Dan kellu paga ta’ €45,000. Dan St. John kien jaħdem fi żmien Simon Busuttil. Meta ġie Adrian Delia, l-media ħadha f’idejh Pierre Portelli. Taf kemm kellu paga s-Sur Portelli? Kellu €35,000, €10,000 inqas mis-CEO ta’ qablu.

Issa hemm kap ġdid. Tajjeb li wieħed jistaqsi kemm qed jitħallas Peregin u forsi jilluminanawna wkoll min qed iħallsu lil Peregin. Dak li nista’ ngħid li sal-lum għadu ma ġiex imgiddeb dak li ġie rrappurtat f’dan is-sit li Peregin qed jieħu 6000 ewro fix-xahar. Jekk qed jitħallas mill-Partit Nazzjonalista allura jgħidulna min fejn qed jinġiebu l-flus? U jekk qed jitħallas minn xi ħadd ieħor forsi jgħiduha ċara?

Ħalli nfakkar lill-qarrejja. Brian St. John kien inġieb jaħdem id-Dar Ċentrali mill-klikka li għadha eżistenti sal-lum. U biex l-istorja tkun aktar kompluta qed nikkonferma wkoll li lil Peregin daħlitu d-Dar Ċentrali l-istess klikka.

Li ma nafx huwa, jekk Peregin iddaħħalx bl-istess arranġamenti li kien iddaħħal Brian St. John. Dak li hu żgur li fost dawk li Malta Today allegat ħafna xhur ilu li kellhom salarji fenominali fil-Partit Nazzjonalista, hemm wieħed li ċeda s-siġġu tiegħu lil Bernard Grech, anki jekk, kif għidt aktar ‘il fuq, fi żmien Delia ma kienx jitħallas.

Il-verita’ hija li fi żmien Adrian Delia, is-segretarjat tiegħu kien l-aktar wieħed ekonomiku – jiġifieri kien l-aktar segretarjat li fuqu l-Partit Nazzjonalista ma nefaqx flus. Nisfida lil Christian Peregin, li tant għajjar lil Adrian Delia, biex jgħidli jekk dan li qed ngħid hux is-sewwa jew le.

Leave a Reply