Għaddew erba’ snin minn mindu Adrian Delia daħal fil-politika Maltija

Blog post minn korrispondent politiku

Erba’ snin ilu l-Partit Nazzjonalista kien għaddej minn żminijiet tant diffiċli li kien hemm min ħaseb li se jbati biex joħroġ minn dik is-sitwazzjoni kritika u nsuperabbli. Kien għadu kif ħa t-tieni tkaxkira kbira fl-elezzjoni ġenerali u kien mitluf ifittex it-triq ‘l quddiem għax kien tilef il-boxxla politika tiegħu. Il-kap dak iż-żmien Simon Busuttil ma kienx stenna dak ir-riżultat u kellu problemi kbar biex jipprova jmexxi l-vapur wara dik id-disfatta esaġerata. Kważi kważi nazzarda ngħid li dan l-kap abbanduna l-istess vapur fi żminijiet ta’ dlam.

Kien ukoll erba’ snin, ilu bħal dan iż-żmien, li tfaċċa xi ħadd ġdid għal ħafna li beda juri l-interess tiegħu li jidħol għat-tmexxija ta’ partit fil-limbu. Kien dan iż-żmien li Adrian Delia kien wera l-interess li jidħol għall-piż ta’ partit u ssuġġerixxa li kien se jressaq mod ġdid ta’ kif tintgħamel il-politika. Kien nifs frisk li prova jitfa’ dan ir-raġel li ma kienx jidher li kellu għalfejn jidħol għal dan l-inkwiet, meta kien għaddej mill-apiċe fix-xogħol tal-avukatura tiegħu.

Kull min beda jħares lejh u jarah bħala tama għall-Partit Nazzjonalista kien qed jistqarr li dan l-avukat kien se jidħol għall-ħajja politika biex jwettaq sagrifiċċji kbar. Ħafna raw fih dik l-isperanza li seta’ jqajjem lill-Partit Nazzjonalista mil-letarġija li kienet ħakmitu, fejn kien hemm abbandun ta’ maġġoranza kbira tal-elettorat Malti li beda jħares lejn dan il-partit bħala tellief, għajjien u bla ideat. Dak il-partit li kien illoppja lilu nnifsu bl-għajta kontra l-korruzzjoni u għama wara d-diktat ta’ Daphne Caruana Galizia. Partit li kien iffissa fuq ħaġa waħda biss, dik li jtajjar lil Joseph Muscat minħabba l-allegazzjonijiet li kienet qed ixxandar fuqu l-istess Daphne Caruana Galizia.

Dr Delia vara l-kampanja tiegħu bħal dan iż-żmien erba’ snin ilu u d-diskorsi tiegħu li beda jagħmel meta kien qabad ir-ritmu jterraq mal-każini tal-Partit Nazzjonalista, ġibdu lejh simpatija minn ħafna sostenituri tal-partit. Ħafna bdew imorru fejn kien qed jagħmel id-diskorsi tiegħu, biex jifhmu eżattament x’kien qed jipproponi dan l-avukat. Bniedem li ftit kienu dawk li kienu jafu bih. Biss il-ftit bdew jiżdiedu kull darba li jattendi f’xi każin biex jgħaddi l-messaġġ tiegħu. Tant hu hekk li mill-ewwel deher li kien avukat li kellu oratrija tajba, spjegazzjoni politika mpressjonanti u diskors li laqgħat ħafna nies fil-pożittiv, għaliex kien diskors fil-livell tan-nies.

Delia ma kienx juża ħafna superlattivi, ma kienx jipprova jimpressjona b’affarijet li setgħu jibqgħu fl-arja, ma kienx jipprova jiġbed lejh nies billi jitkellem u jwiegħed affarijiet li ma kienux ottenibbli. Kien qed iressaq politika min-nies għan-nies u man-nies. Politika tal-universita’ tat-triq. Biss għadni niftakar qisu l-bieraħ li mill-ewwel kien hemm kapurjuni fil-Partit li rawh bħala sfida għal dawk li ħasbu li l-Partit Nazzjonalista kien tagħhom u kien hemm bżonn li jibqa’ tagħhom. Għadhom jidwu f’widnejja kliem li kien jintqal minn ex-ministri u minn deputati fil-Parlament tagħna, li kien hemm bżonn ta’ xi ħadd minn ġewwa biex jieħu l-partit f’idejh. Delia kien ġie minn barra u għalhekk qatt ma riedu jaċċettawh.

Niftakar tajjeb li kont inħoss dak il-kliem, bħala kliem offensiv u disgustanti. Tgħiduli għaliex? Forsi ftit jafu imma dan il-kliem kien intqal ukoll kontra Simon Busuttil meta kien inġib minn Brussel biex jgħin lill-Partit Nazzjonalista.

Kif setgħu dawn l-istess nies jitkellmu hekk fuq Simon Busuttil? Jiġifieri dak iż-żmien, wara li kienu eleġġewh, dawn l-istess għorrief bdew jitkellmu b’tali mod li Busuttil ma kienx konsidrat wieħed minn ta’ ġewwa. Bħalma jaf kulħadd Simon Busuttil kien ilu fil-partit meta Dr Eddie Fenech Adami kien talbu jmexxi l-kampanja IVA għall-Ewropa. Kien membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista għal snin. Kien niżel Malta qabel l-elezzjoni tal-2017 biex ikun spalla għal Dr Lawrence Gonzi. Imma għal ħafna fil-ġerarkija għolja tal-partit bdew jgħidu li wara Simon Busuttil hemm bżonn xi ħadd minn ġewwa. Mhux se li nerġgħu nirrepetu l-iżball li konna għamilna. Hemm bżonn ta’ xi ħadd li jkun ilu jimmilita fil-partit għal snin sħaħ u li kien diġa’ deputat fil-Parlament Malti.

Mill-ewwel bdew jgħidu li Adrian Delia ma setax ikun ta’ ġid għall-partit speċjalment kontra Joseph Muscat. Kienu bdew ixerrdu mat-tesserati li Delia kien se jkun ta’ tfixkil fil-partit minflok ta’ ġid. L-istorja wrietna x’ġara. Kont nistenna li jkun hemm nies kontra Delia imma qatt ma stajt nimmaġina, lanqas jekk nuża l-moħħ ta’ Luċifru, li Delia kellu jgħaddi minn dak kollu li għadda minnu.

Leave a Reply