Żelqa oħra minn Bernard Grech
Blog post minn osservatur politiku
LovinMalta qaltilna li Bernard Grech għamel stqarrija b’saħħitha ħafna. Bernard Grech iwiegħed li joħroġ lil Malta minn fuq il-grey list fi żmien tliet xhur. Imma għamel kondizzjoni. Huwa jagħmel hekk, jekk isir Prim Ministru. Mela l-messaġġ mhux li jneħħi lil Malta mill-grey list. Dik hija skuża jew raġuni biex mingħalih jattira l-voti għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.
It-tieni, meta Bernard Grech qal li jneħħi lil Malta tliet xhur minn wara li jsir Prim Ministru, huwa qed jagħti l-istess timeframe li ta dan il-gvern. Għaliex qed ngħid hekk? Għaliex biex iseħħ dawn, Bernard Grech għandu tmintax-il xahar. Infakkar li l-elezzjoni baqgħalha madwar għaxar xhur. Min jirbah jkollu ftit żmien biex jifforma gvern u Bernard Grech ikun irid 3 xhur minn meta jsib saqajh. Jekk wieħed jagħmel ftit kalkoli jsib li biex iwettaq dan kollu, Bernard Grech ġa għandu quddiem tlettax-il xahar mil-lum. Mela, qiegħed fl-istess ilma li qed jindika l-gvern.
Imma jien mhux din l-istqarrija li ddejjaqni. Jien idejjaqni l-fatt li sa nhar il-Ħadd, Grech qal xi ħaġa totalment differenti. Il-gazzetta l-Independent irrapurtat li Grech, waqt l-intervent telefoniku tiegħu tal-Ħadd 18 ta’ Lulju, qal hekk:
“Xi jfisser dan? Qed jgħid li l-Prim Ministru ma għandux il-kuraġġ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tal-Parlament l-informazzjoni kompluta ta’ x’qalet l-FATF lil Malta li għandha tagħmel biex toħroġ minn fuq il-lista l-griża”.
Anke jekk għas-saħħa tal-argument dawn id-dokumenti ġew b’xi mod f’idejn Bernard Grech, żgur li kien se jkun impossibli li tistudja kollox u tasal għall-konkluzzjoni li tista’ ssewwi l-ħsara msemmija mill-FATF fi tliet xhur. Biex tkompli tgħaxxaqha s-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, Alfred Camilleri, qal li lesta pjan ambizzjuż li jwassal biex noħorġu minn fuq il-lista l-griża fi żmien 18-il xhar. Ħalli nifthemu, Mr Camilleri mhux xi prinċipjant imma ilu segretarju permanenti fl-istess ministeru għal diversi snin u ħadem ukoll ma’ Ministri tal-Finanzi Nazzjonalisti meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.
Huwa b’dispjaċir li jkollok tikkonkludi li din hija żelqa oħra ta’ Bernard Grech li qed iġorr miegħu f’dawn it-tisbitiet lill-Partit Nazzjonalista wkoll. Hemm bżonn li l-kelliem tal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista jwaqqaf lil Bernard Grech u lill-istess partit tiegħu jieqaf jagħmel dawn it-tip ta’ gaffes. Dan la huma ta’ ġid għal Bernard Grech u wisq inqass għall-Partit Nazzjonalista. Li toħroġ stqarrija u biex mingħalik turi kemm int hero u biex ukoll mingħalik li tiġbor xi ftit voti bis-saħħa ta’ din l-istqarrija, allura hemm xi ħaġa li ma hiex tiffunzjona tajjeb fil-partit. Billi l-Partit Nazzjonalista joqgħod jibki biki tal-kukkudrilli u mingħalih se jimpressjona meta jgħid li ma jistax jistenna daqshekk għax jintilef l-investiment u se jintilfu opportunitajiet ta’ xogħol, ma hu se jimpressjona lil ħadd.
L-espert fuq il-finanzi u fuq dak kollu li hu neċessarju li jsir tkellem, u qal li għandu bżonn 18-il xhar, kif se tiġi int u biex timpressjona tgħid li se toħroġ lil pajjiżek mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur? Ma jidhirlekx Dr Grech li int la int maġiku u lanqas għandek bakketta maġika? Ma jidhirlekx li qed tgħodd il-ħut fil-baħar? U għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista qed iħallat il-ħass mal-basal? Biex tagħmel hekk irid ikollok team ta’ esperti li lesti jidhru fuq il-media u jaghtuk s-support tagħhom. Fejn huma dawn in-nies?
Illum Malta qiegħda fil-lista l-griża. X’għandu x’jaqsam li l-Prim Ministru kien parti mill-kabinett tal-aktar politiku korrott fid-dinja? Jekk din it-tgħajjira fuq Joseph Muscat għandek tużaha kullimkien, issa dak l-argument, f’dan ir-rigward, irid jieqaf għax jew se nħarsu ‘l quddiem jew noqogħdu mwaħħlin fuq il-bieraħ.
Min jista’ qatt jemmnek Dr Grech li l-Prim Ministru qed jinjora lill-poplu? Min daħħallek f’rasek li l-Prim Ministru qed jaħseb li Malta se tinqala’ mill-grey listing awtomatikament? Min qed ibiegħlek dawn l-ideat stupidi? Hemm għalfejn biex tattakka lill-Gvern tuża din l-immaġinazzjoni fertili?
Ara veru l-Partit Nazzjonalista ma fadallux argumenti x’jagħmel. Biex tasal li tgħajjar lill-Prim Ministru arroganti meta pajjiżna qed jiffaċċja problema serja bħal din, tkun qed turi li ma fadallekx argumenti u li ma għandekx idea x’se taqbad tagħmel biex tpinġi lill-avversarju politiku tiegħek fil-ħażin. Hemm għalfejn tinżel fil-livell personali, u allura taqa’ f’livell baxx ta’ tgħajjir?
Pajjiżna bħalissa għandu bżonn ħafna aħjar minn hekk.
Miskien Bernard ma jistax jaqbaghad tarf.