It-tibdil li sar fl-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista huwa imponut?

Blog post minn osservatur politiku

It-tibdil li qed isir fl-uffiċjali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista huwa ordnat, imponut jew volontarju? F’dan is-sit diġa nkiteb li la Alex Perici Calascione u lanqas Carm Mifsud Bonnici ma huma se jżommu posthom bħala President tal-Eżekuttiv u President tal-Amministrattiv. Għalkemm huwa veru li nkiteb ukoll li Joe Grech u Graham Bencini ġew avviċinati, dan ma jfissirx li għax kien hemm post vojt u ried jintela’.

Kull min qed iċedi postu, bil-partit jgħidilna li dawn qed jagħmlu hekk biex jinbiddlu l-uċuh u l-partit iressaq uċuh aktar friski u ħafna aktar iżgħar fl-eta’, huwa ħafna il-bogħod mill-verita’. Dawn li jinfurmawna li mhux se jikkontestaw iżjed, bħalma huma Ċensu Galea, Francis Zammit Dimech u t-tnejn li diġa’ semmejt, dawn ġew ordnati mill-kap biex ma jikkontestawx lil min se jinnomina l-kap stess.

Fil-fatt, fil-każ ta’ Graham Bencini u Joseph Grech, it-tnejn stqarrew li ġew avviċinati mill-kap u aċċettaw u jafu wkoll li ma huma se jtellqu kontra ħadd. Dak modernizzar, dawk uċuh ġodda, dik demokrazija u tista’ ssejħilha li trid. Dik hija dittatura u xejn iżjed. Lil wieħed tgħidlu warrab u lil ieħor tgħidlu itfa’ ismek. Imbagħad nippruvaw nilgħabuha tal-verġni u puri, u li qed jittieħdu deċiżżjonijiet għall-ġid tal-partit.

Dan huwa eżerciżżju ċar ta’ disprezz lejn min kien qiegħed f’postu u opportuniżmu għal min se jidħol fis-siġġu ta’ ħaddieħor għax hemm toqba x’tintela. Din hija arroganza tal-għola kwalita’. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jgħid mingħajr tlaqliq kemm konna aħjar meta mingħalina li konna agħar. X’differenza bejn din l-amministrazzjoni u dik ta’ Adrian Delia!

Fi żmien Dr Delia kull min kien interessat jersaq u jniżżel ismu għat-tellieqa u fil-fatt kellna tlielaq. Illum għax hemm biża kbira mill-babaw, għax hemm twerwir minn xi attakk u għax ma jridux li jkollhom min jista’ jservi ta’ ħsara, jinnomina l-kap ħalli żgur kulħadd ibaxxi rasu. Demokrazija fl-aqwa tagħha. Għażla miftuħa tal-eprem kwalita’. Kontestazzjoni tajba u sana għall-partit. U ħalluna!!

Fi żmien Delia n-nomini kienu jiġu min-naħa tal-klikka, forsi bi ħsieb ulterjuri kif esperjenzajna. Illum in-nomini jaslu mill-akkolti biex ikun ċert li kollha jbaxxu rashom għall-ordni minn fuq. Ma għandniex għalfejn niskantaw għaliex din saret mill-klikka meta riedu jressqu lil xi ħadd biex jikkontesta lill-kap sedenti. Kien hemm tlieta, imma b’impożizzjoni, sibna li kien se jkun hemm kontestazzjoni minn wieħed.

Dr Grech ma tgħallimt xejn minn dak li għamilt int. Ma tgħallimt xejn li nqdew bik biex twarrab lil ta’ qablek. Anzi tant għoġbitek li issa qed tipprattika int. Issa qed timponi idejk fuq il-partit kollu u tiġi altament taqa’ u tqum minn dawk li setgħu urew interess għal xi post ta’ uffiċjal.

Il-messaġġ ċar tiegħek huwa wieħed; il-kap huwa jien u jsir dak li ngħid jien. Il-kap huwa jien u jitpoġġew uffiċjali dawk li nagħżel jien. Il-kap huwa jien u ebda wiċċ li jipprova jieħu f’idejh xi ħaġa fil-partit b’xi ħsieb li jattwa dak li jaħseb hu, ma huwa aċċettat għaliex l-għażla hija tiegħi. Dr Grech qed tgħaddi messaġġ ħażin. Jekk qed taħseb li l-messaġġ li qed tgħaddi huwa dak li hawn jien u jsir biss dak li jogħġob lili sejjer żball. Il-messaġġ li qed tgħaddi huwa wieħed ta’ divizzjoni li fil-Partit Nazzjonalista. Il-messaġġ huwa li llum il-Partit Nazzjonalista huma mmexxi minn fazzjoni li taħseb li hija tal-ewwel tier u tħares lejn kulħadd bħala dubbien.

One comment

Leave a Reply