X’ifissru t-tibdiliet imħabbar fil-Partit Nazzjonalista

LovinMalta tatna l-aħbar li la Alex Perici Calascione u lanqas Carm Mifsud Bonnici, ma huma se jikkontestaw il-kariga rispettiva tagħhom, bħala President tal-Esekuttiv u President tal-Amministrattiv respettivament. Qaltilna li żewġ akkolti ta’ Bernard Grech ġew avviċinati minn Bernard Grech stess biex jitfgħu jsimhom għaż-żewġ presidenti. Dawn huma Joe Grech u Graham Bencini.

Irid jingħad li dawn it-tnejn min-nies ħadmu kemm felħu biex jitwarrab Adrian Delia u biex jilħaq Bernard Grech. Waqt li Adrian Delia kien jipprova jimbotta nies mill-fazzjonijiet differenti biex jgħaqqad il-partit, Bernard Grech irid li fil-karigi mportanti, jkun hemm biss nies tiegħu.

Dawn l-għażliet ġew wara li kellna lil Mark Anthony Sammut li ħareg għal President tal-Kunsill Ġenerali mhux kontestat u allura tellaq waħdu. Issa jmiss li jiġri l-istess għall-ħatriet ta’ Presidenti tal-Esekuttiv u l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, kull ma qed jirnexxielu jagħmel Bernard Grech huwa musical chairs, biss mhux qed idaħħal l-ebda demm ġdid u wisq agħar jgħaqqad il-fazzjonijiet.

Basta jkunu nies li għenuh jitla’ bħal kap li jingħataw ir-rigal bħal ma ġara fil-każ tal-avukat Joe Grech u Graham Benċini. Hu fatt magħruf fil-Partit Nazzjonalista li Joe Grech qaleb l-appoġġ li kien jagħti lil Adrian Delia. Irridu ngħidu li kien Adrian Delia li wera tant fiduċja fih li tah l-ewwel impieg tiegħu bħala avukat biex imbagħad ħadem kemm felaħ biex ittajjar lill-istess Delia. Biss irid jingħad ukoll li fil-kariga li kienu jokkupa fil-Partit Nazzjonalista mhux tant li bbrilla. Issa Dr Joseph Grech se jagħmluh President tal-Esekuttiv biex jobdi u jbaxxi rasu għal kull ma jkun hemm bżonn. Graham Bencini almenu qatt ma wera simpatija ma’ Adrian Delia u minn dejjem kien in-naħa l-oħra. Hu ser isir il-President tal-Amministrattiv.

Nixtieq infakkar li żmien Adrian Delia l-affarijiet kienu jsiru b’mod differenti. Għaliex kien kap li verament ried jgħaqqad, saħansitra wasal biex ċaħad persuna qrib tiegħu sew, li riedet tikkontesta għall-President tal-Esekuttiv biex ta l-kariga lil Alex Perici Calascione. Dakinhar, Adrian Delia ffirma l-kundanna tiegħu stess għax wara li Alex Perici Calascione sar president, bdiet fl-Esekuttiv il-konġura biex jitneħħa Adrian Delia, permeżż ta’ mozzjoni mressqa minn Mark Anthony Sammut u Ivan Bartolo (tas-6PM).

Illum it-tnejn li huma jokkupaw karigi għolja fil-Partit Nazzjonalista. U għalxiex dan kollu? Għaliex qed jintgħażlu nies biex imexxu dawn l-organi tant importanti imma li huma dgħajfa jew lesti jkunu yes men? Qed jibża Bernard Grech li jiġrilu l-istess kif ġralu Adrian Delia?

X’inhu r-riżultat ta’ dan kollu? Il-proċess demokratiku fi ħdan il-partit qed jiġi maqtul. Dawk tat-tielet sular se jagħmlu li jridu, waqt li dawk fit-2 sular jew fil-kantina, fejn jiltaqa’ l-Kunsill Ġenerali, mhux se jkollhom vuċi b’saħħitha biżżejjed. U quddiem dan kollu wieħed jistaqsi, x’sar minnu l-famuż grupp Parlamentari li fi żmien Adrian Delia kien jiddeffes il-ħin kollu? Fejn hu Chris Said? Fejn hu Beppe Fenech Adami? Fejn mar Jason Azzopardi u Karol Aquilina? X’sar minnha Claudette Buttigieg? Dawn li kienu l-perċimeż li qassmu l-partit. Issa tilfu ilsienhom. Imma agħar minn hekk, dawn jafu li jridu jiġġieldu biex iżommu posthom fil-parlament għaliex issa t-theddida li jitilfu d-distrett mhix ġejja min-nies ta’ Adrian Delia imma, mill-istess nies, li għażlu huma stess.

Leave a Reply