Tibda tfalli l-politika ta’ perswazzjoni ta’ Bernard Grech

Blog post ta’ osservatur politiku

Nazzjonalist imweġġa’, s-Sur George Tabone, ma ddejjaqx jiddikjara kif iħossu u kif qed jaħsibha. Lanqas iddejjaq jgħid li meta ħass li l-Partit Nazzjonalista ma mexiex miegħu sewwa jew ħass li ma kienx qed jieħu deċiżżjonijiet tajbin, li se jmur kontra tiegħu u jivvota lill-partit oppost. George Tabone jitkellem kif jħoss u jikteb dak li jemmen.

Fil-fatt fil-11 ta’ Lulju, eżatt wara l-aħħar survey huwa kiteb hekk: Ma qagħadx idur mal-lewża imma stqarr dak li jħoss. George, għax għandu dritt, iddikjara li hu jħossu komdu li jfaħħar lil Robert Abela u jikkritika lil Bernard Grech u l-klikka tiegħu. Qed jistqarr b’mod ċar li Bernard Grech qiegħed il-bogħod ħafna biex ikun avversarju denju għal Robert Abela fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Huwa qal li qed jifhem u jirrikonoxxi kemm Robert Abela qed jaħdem favur pajjiżna, għal kuntrarju ta’ Bernard Grech u l-klikka tiegħu bil-konfoffi tagħhom kontra pajjiżna.

George Tabone tella’ post ukoll fejn qalilna li rċieva telefonata li Bernard Grech kien se jmur għandu. Huwa aċċetta bil-qalb għax stqarr li hu kritiku ħafna tal-Partit Nazzjonalista. Biss l-interessanti hu x’kiteb wara dik iż-żjara li saret it-Tnejn 19 ta’ Lulju fid-dar ta’ Tabone. Ta’ bniedem edukat li hu, kien ta’ pjaċir għalih li laqa’ f’daru lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u ddikjara u forsi anki kkonfermalna li Dr Grech huwa bniedem ġentili. Biss ftit wara bdiet ħierġa l-verita’ politika. Tabone qal li għalkemm, u dan ma kelliex dubju fuqu, kien hemm ħafna affarijiet u ħsibijiet li jaqblu fuqhom, id-diverġenżi tiegħu dwar u mal-Partit Nazzjonalista għadhom hemm.

Ma nistax nittratta, nispjega jew nelenka dawn id-diverġenzi f’hix jikkonsistu. Li nista’ nikkonkludi hu li Dr Grech ma wasalx biex ikkonvinċa lil George Tabone, ex-Nazzjonalisti ferventi, jiġi lura. Lanqas wasal biex dan l-istess Nazzjonalist jagħtih ċans sa x’ħin jaħdem ftit iżjed fil-partit. U lanqas ma rnexxielu jitlob lil George Tabone jħares lejn il-futur u l-pożizzjoni b’mod differenti milli għandu, meta jsir ħafna aktar xogħol fil-partit. Dan jikkonfermah George Tabone stess, meta għalaq il-facebook post tiegħu, fejn stqarr li hu għadu konvint u jemmen li fl-elezzjoni ġenerali li ġejja jivvota lill-Partit Laburista kif inhu mmexxi minn Robert Abela.

Dawn l-erba’ kelmiet li kiteb Tabone huma pjuttost inkwetanti. Ma ninsewx li Tabone huwa ex-Nazzjonalist li ġie urtat b’xi ħaġa li saret xi snin ilu u għandu raġun. Ħadd ma għandu juża l-ġustizzja biex jipprova jkisser persuna, xi ħaġa li l-istess nies li għandu madwaru Bernard Grech, jeċċellaw fiha.

Bħalissa Dr Grech qed jitlob u jittama li kulħadd jersaq lejn il-Partit Nazzjonalista, bħal ma qed għamel Peregin. Issa meta xi ħadd ex-Nazzjonalist jgħidlek li mar għandu l-kap tal-partit u ddikjara li xorta se jivvota lill-partit oppost, ma tantx hi xi sitwazzjoni li timliek bil-kuraġġ imma pjuttost issewwidlek qalbek u ġġalgħek tgħid li hemm xi ħaġa li ma hiex qed tinkwadra tajjeb biżżejjed.

Biex nikkonkljudi, naħseb li Bernard Grech irid jitħarreġ iżjed fil-politika tal-perswazzjoni. Naħseb li jkun xieraq f’dan il-mument li ngħaddi parir lil Bernard Grech biex ifittex il-ktieb ta’ Profs Guido de Marco, The Politics of Persuasion, u jaqrah għal darba darbtejn, ħalli jgħinu jifhem u jitgħallem kif għandu jikkonvinċi lin-nies jersqu iżjed lejn il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply