Min hu eżatt George Tabone u x’ġara wara l-laqgħa ma’ Bernard Grech

Advertisements

George Tabone huwa negozjant li ġej minn familja kbira Nazzjonalista mill-belt Valletta. Familja li kienet u naħseb għadha marbuta ma’ San Pawl, La Valette u storikament ma’ Ġorġ Borg Olivier. Biss qabel ma nkompli nitkellem fuq George Tabone, nixtieq ngħid li dan kien jaqa’ fuq l-istess kategorija ta’ Franco Debono u oħrajn, jiġifieri kienu persuni mitqiesha mhux grati fil-Partit Nazzjonalista.

Fil-partit kien hemm min iriduhom lura u oħrajn li qalu le. Kemm fil-każ ta’ Tabone u ta’ Debono, Bernard Grech xtaqhom lura. Din hija xi ħaġa tajba. Fil-każ ta’ George Tabone, Bernard Grech għamel l-ewwel pass u nsiru nafu, minn post li tella’ l-istess George Tabone nnifsu fuq Facebook li Bernard Grech stess talbu biex jiltaqa’ miegħu. Din il-laqgħa saret it-Tnejn li għadda. Wara din il-laqgħa, George Tabone, reġa’ tkellem dwarha fuq Facebook u kategorikament qal li hu ser jibqa’ jivvota Lejber.

Irrispettivament mill-eżitu tagħha, il-fatt li din il-laqgħa saret, jidher ċar, li fil-każ ta’ Tabone, Bernard Grech wera li ried jimxi ‘l quddiem. Xi xhur ilu kont staqsejt jekk hux minnu li persuna jew persuni f’kumpanija li qed tiffinanzja lis-soċjeta ċivili kienetx qed tagħmel kundizzjonijiet u pressjoni fuq il-Partit Nazzjonalista dwar liema persuna jew persunai għandhom jitħallew jiġu lura fil-Partit Nazzjonalista u liema le. Jidher li l-Partit Nazzjonalista, jew aħjar Bernard Grech qed jipprova joħroġ minn dan il-kondizzjonament u din hija aħbar tajba.

Issa ħa niġi għal George Tabone. George Tabone huwa bniedem magħruf ħafna f’Malta. Hu businessman ta’ suċċess kbir. Hu telaq mill-PN u llum jagħti s-support lill-Partit Laburista. Hu qatt ma avviċina lill-PN biex imur lura. Biss kien hemm nies fil-Partit Nazzjonalista li jixtiquh jiġi lura. Kif hemm oħrajn li għamlu oppożizzjoni kontra tiegħu.

George Tabone kien fil-Partit Nazzjonalista fl-agħar żminijiet tal-istorja tal-Partit Nazzjonalista u meta ħafna kienu jibżgħu jassoċċjaw ruħhom miegħu. Kien fi żmien li meta kont tkun Nazzjonalist kont tiġi mgħajjar wirdien fil-Belt Valletta. Anki jekk qatt ma kien fuq l-esekuttiv, kien militanti, tant li anki kien f’Tal-Barrani fuq quddiemnett fuq it-truck ma’ Eddie Fenech Adami u Guido de Marco f’dak l-inċident ikrah.  

Dan hu kkonfermat minn dan ir-ritratt tal-famuż mass meeting f’Tal-Barrani li kien sfrattat mill-pulizija fl-1986. F’dan ir-ritratt jidher George Tabone fuq it-truck ħdejn Guido de Marco. George Tabone huwa l-persuna libsa ġakketta bi tliet kuluri tħares l-isfel minn fuq it-truck. Ftit il-bogħod minnu u fuq in-naħa l-oħra tiegħu, hemm Eddie Fenech Adami.

Dak li nista’ ngħid li meta Bernard Grech mar lura id-Dar Ċentrali, mhux kulħadd qabel miegħu dwar din il-laqgħa. Minħabba l-post li l-istess George Tabone tella’ – u dan hu suġġett ta’ analiżi separata – jien ninsab infurmat li dawk li kienu kontra din il-laqgħa bdew jgħidu li kellhom raġun li din il-laqgħa ma kellhiex isir. Saħansitra minħabba din l-laqgħa Bernard Grech qala’ ċamata.

Min-naħa tiegħi, jien ikkuntattjat lil George Tabone dwar din il-laqgħa. Waqt li qalli li dak li ddiskuta ma’ Bernard Grech jibqa’ privat, hu kompla jgħidli li apprezza ħafna li ġie d-dar ikellmu. Qalli domna sagħtejn nitkellmu u kienet laqgħa kordjali ħafna. Fuq livell personali, kompla jgħidli, huwa persuna li tieħu gost titkellem miegħu.

Meta staqsejtu jekk għamilx sew, li wara din il-laqgħa, tella’ post fejn pubblikament qal li ser jerġa’ jivvota Lejber weġibni u qalli:

“il-vot huwa dritt tiegħi u nagħtih lil min irrid u ħadd ma għandu d-dritt li jindaħalli kif nivvota. Biss f’ħajti ninsab kuntent bl-għażliet li dejjem għamilt”.

Minn din il-laqgħa toħroġ tagħlima għal Bernard Grech. Waqt li jagħmel sew li jkollu laqgħat bħal dawn, u huwa importanti li jagħmilhom, huwa importanti wkoll li dawn il-laqgħat isiru fil-privat u l-bogħod mill-media.