Michael Falzon jiddefendi l-għażla ta’ Peregin u Piccinino

Blog post minn osservatur politiku

Huma ftit id-drabi li naqbel ma’ Michael Falzon ex-Ministru fil-Partit Nazzjonalista. Il-Ħadd li għadda kiteb artiklu fuq il-Malta Today li nistqarr li ħsibijieti javviċinaw ma’ dak li kiteb bil-bidu tal-artiklu imma forsi m’għandiex dik il-fiduċja bħalu fuq l-aħħar biċċa tal-artiklu tiegħu. L-isforzi ta’ Robert Abela biex jibdel it-team li kellu Joseph Muscat qed jagħtu l-frott għalkemm il-metodu użat jista’ għadu diskutibbli. Għall-kuntrarju Bernard Grech, għalkemm jaf li l-klikka ta’ madwaru, li għenuh ikun kap, issa qed jaħdmu kontra tiegħu, xorta ma hu qed jagħti ebda sinjal ta’ ċaqlieq. Għal kuntrarju, qalilna li kulħadd għandu postu fil-partit. Dr Grech kompli webbes rasek, għalkemm wegħedt li se tieħu deċiżżjonijiet drastiċi u ma tħares lejn wiċċ ħadd, imbagħad għoqod ibki xortik u fittex l-iskużi għalfejn tkun qlajt tkaxkira bħal dawk ta’ qablek.

Robert Abela għadu kif daħħal fil-Parlament ir-raba’ deputat li ma kienx fil-lista tal-kandidati fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Dawn huma sinjali li Robert Abela qed jinqata’ mill-era Joseph Muscat bil-mod imma b’mod effettiv. Jekk dan huwiex il-mod li ħafna Laburisti xtaqu li ssir, jibqa’ diskutibbli. Imma li qed issir, huwa sinjal li l-Prim Ministru preżenti qed juri li jrid ibiddel it-team li kellu ta’ qablu. U tajjeb li wieħed jinnota li Robert Abela mhux qed imur għal ismijiet populisti imma pjuttost persuni ta’ integrita’.

Robert Abela qed jibgħat sinjali lill-votanti tal-partit tiegħu li mhux faċli taqbad ittajjar lil kulħadd daqshekk malajr. Lanqas hu faċli li tidfen l-amministrazzjoni Muscat mil-lum għall-għada. Imma l-uċuh ġodda deħlin u l-filosofija politika nbidlet u għadha qed tinbidel mill-mexxej ta’ issa. Forsi għalhekk ukoll, li Robert Abela qed ikollu riżultati tajbin fis-surveys li qed isiru kull xahar, speċjalment mal-partitarji tiegħu. U meta tqabbel dawn ir-riżultati ma’ dawk tal-Oppożizzjoni tinduna, li l-Partit Nazzjonalista għadu ankrat fl-abbissi. Huwa wkoll inkwetanti għall-Partit fl-Oppożizzjoni li tara li l-partit huwa ħafna aktar popolari mill-kap tiegħu.

L-artikolista jħoss li l-Partit Nazzjonalista ħa żewġ deċiżżjonijiet validi, meta qed juri li se jbiddel lid-dinosawru li kien segretarju ġenerali ma’ persuna li għadha żgħira fl-eta. U li daħħal lil Christian Peregin. Michael Falzon bħal donnu qed jibni ftit tama b’dawn iż-żewġ ċaqliqiet. Peregin daħal għal sfida kbira. Peregin irid ibiddel kollox. Peregin irid jara kif se iressaq il-Partit Nazzjonalista lura għand in-nies. Għalkemm ingħad fl-artiklu li Peregin jista’ jingħata l-mandat li jibdel il-media mill-qiegħ, xorta għadna ma nafux x’inhu x-xogħol tiegħu eżatt. Imma b’Peregin u mingħajru, l-opinjoni tiegħi tgħidli li jekk ma hu se jsir xejn dwar il-klikka li kissret partit, ikun inutli li tbiddel il-media u tirranġa affarijiet oħra sekondarji. Għalija l-faċċata tal-partit huma dawk id-deputati li jidħlu l-Parlament. Huma dawk in-nies li bħalissa qed iħabbtulna l-bibien biex jipprujvaw jitkarrbu għal xi vot. Jekk se tħalli l-uċuh l-aktar importanti tal-partit jibqgħu jagħmlu li jridu, jibqgħu jaffrontaw sidirhom mal-votant Malti u Għawdxi, jibqgħu bl-idea li mingħajrhom ma nistgħu qatt nidħlu Kastilja, jibqgħu mingħalihom li huma l-uniċi kandidati validi fil-partit, allura jien ma naqbel xejn ma kull tibdil fl-uċuh li jista’ jsir internament jekk ma aħniex se nbiddlu wiċċ ir-rappreżentanti tagħna, speċjalment l-uċuh ta’ dik il-klikka li rnexxiela ddamdam Partit glorjuż.

Jista’ jkun b’saħħtu kemm irid il-messaġġ ta’ Peregin. Dan mhux il-bniedem li se jattira l-voti. Dan huwa l-bniedem li bilfors ikollu jibqa’ wara l-kwinti u jħalli lil klikka u sħaba tersaq quddiem in-nies. Bil-blue heroes ma nistgħux naslu. Bir-ribelli ħadd ma hu se jagħti każ dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista. B’dawk l-uċuh li kienu l-kaġun ta’ tant telfiet kolossali ma tistax tagħti tama lill-elettorat. Peregin jista’ jħambaq kemm irid, imma jekk Bernard Grech mhux se jaqbad il-barri minn qrunu u jara x’se jagħmel mid-dinosawri tal-klikka, l-Partit Nazzjonalista hemm se jibqa’ mxennaq li jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja.

L-artikolista jgħid kemm se jsiru affarijiet sal-elezzjoni, wieħed għad irid jara. Kemm se jirnexxielhom jottjenu Piccinino u Peregin għad irridu naraw. Imma li hu żgur hu li l-effett tas-swat intern li sar f’dawn l-aħħar snin, speċjalment mill-2017 ‘l hawn, l-Partit Nazzjonalista poġġa lilu nnifsu quddiem għolja iebsa. Mhux talli hekk, talli l-Partit Nazzjonalista jkollu jerfa’ s-salib mibni minn dawk id-deputati ribelli u l-akkolti kollha tagħhom, bl-attitudni tagħhom, bid-diviżjonijiet li rnexxielhom joħolqu, bil-fazzjonijiet diversi li rnexxielhom iwelldu u bl-opinjonijiet li rnexxielhom jimponu fuq il-votant kollu Malti u Għawdxi.

https://www.maltatoday.com.mt/comment/blogs/111006/the_changing_political_landscape?fbclid=IwAR38H8lpIy8wLT9aXoJbeMmcHRcbm_FgfeLQAhXtuRWL0-CbHJ5BApt3oRk

Leave a Reply