Analiżi tad-diskors li għamel Bernard Grech il-Ħadd li għadda

Advertisements

Blog post minn osseratur politiku

Il-Malta Independent ta’ nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju tatna fil-qosor dak li qal Bernard Grech waqt it-telefonata ta’ nhar ta’ Ħadd fuq ir-radio tal-Partit Nazzjonalista. L-artiklu għamel enfażi fuq dak li qal Bernard Grech, li Robert Abela għandu jiċħad il-legat ta’ Joseph Muscat. Bernard Grech irrepeta dak li qal Desmond Zammit Marmara f’dikjarazzjoni li hu għamel meta qal li l-Prim Ministru tal-ġurnata għandu jiddissasoċja ruħu mill-predeċessur tiegħu. Bernard Grech kompla jgħid li Malta ma tistax tibqa’ taħt id-dell ta’ Joseph Muscat.

Ftit wara beda jgerger li m’għandux informazzjoni fuq ħafna affarijiet li għaddejjin fil-pajjiż. Xi kultant nistħajjel li Bernard Grech mhuwiex au courant ta’ kif taħdem il-politika Maltija. Xi kultant naħseb li Bernard Grech jaħseb li hu l-Prim Ministru tal-pajjiż. Xi kultant naħseb li l-Kap tal-Oppożizzjoni jimmaġina li l-elettorat tah il-maġġoranza tal-voti. Ma nistax nifhem kif Bernard Grech jaħseb li għax hu l-Kap tal-Oppożizzjoni, għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu kwalunkwe dokument jew informazzjoni li jiddeċiedi hu stess li għandu jkollu.

Dan irid iżomm f’moħħu li anke għall-Prim Ministru hemm informazzjoni li ma jistax jitlobha. Dr Grech qed jippretendi li għalkemm qiegħed fl-Oppożizzjoni għandu jkollu f’idejh id-dokumentazzjoni kollha dwar l-Electrogas u tal-Vitals Global Healthcare, kif ukoll dak kollu li għadda bejn Malta u l-FATF, biex ikun jaf l-FATF x’qalet lil Malta li għandha tagħmel.

Reġa għadda kummenti negattivi fuq Joseph Muscat. Imma Bernard Grech irid jiftakar li Joseph Muscat se jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna bħala l-persuna li kien Prim Ministru għal numru ta’ snin. Issa jekk kienx ta’ suċċess jew le tiġġudikah l-istorja, l-istoriċi jew il-politiċi imma dejjem mil-lenti tagħhom. Imma li tgħid li għax Robert Abela ma jikkundannax lil Joseph Muscat, ifisser li hu qed jiddefendih jew qed jiddikjara li jaqbel ma’ dak kollu li għamel Muscat, hija daqsxejn dikjarazzjoni goffa żżejjed.

Imma imbagħad għandna dikjarazzjoni aktar goffa minn ta’ qabilha. Għax Robert Abela ma vvutax favur xi mozzjonijiet li ressaq il-Partit fl-Oppożizzjoni, allura l-Prim Ministru vvota favur il-kriminalita’ u l-korruzzjoni.

Meta tkellem fuq il-Covid-19, Dr Grech qal li għalkemm in-numri qed jerġgħu jitilgħu madwar id-dinja kollha, xorta l-Gvern Malta kkommetta nuqqasijiet kbar. Qed jerġa’ jirrepeti dak li qal ftit xhur ilu li l-Gvern ħarbitlu minn idejh is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Jien inħoss li flok noqgħodu nikkritikaw xi ħaġa li ma tantx tista’ twaqqaf faċilment, nissuġġerixxu jew nagħtu proposti ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas l-inkwiet ta’ dan il-virus. Inutli minn fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni noqgħodu nfajru t-tgħajjir għax żbaljat hemm u żbaljat hawn. Il-patata taħraq qiegħda f’idejn il-Gvern. Kritika mingħajr suġġerimenti ma tiswa’ xejn. Kwalunkwe bniedem jista’ jagħmel dak ix-xogħol. Ma għandux għalfejn ikun il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Kumment ieħor li għadda Dr Grech kien li ż-żewġ partiti għandhom jikkompetu bejniethom min se jkun l-aħjar u mhux min se jkun l-inqas ħażin bejniethom. Huwa qal li jixtieq jara lill-partit tiegħu jsir il-veikolu tal-bidla li għandu bżonn pajjiżna. Imbagħad tħares lejn il-partit tiegħu u ssib li internament kull ma qed jagħmel huwa musical chairs, għax jagħżel nies li għinuh fil-kampanja tiegħu ta’ kap u ma hux kapaċi jdaħħal uċuh ġodda fil-partit minn barra.

Marbut ma’ dan Dr Grech qal li qabel nistiednu nies ġodda fil-Partit, l-ewwel irridu nnaddfu (hemm ħafna xi tnaddaf Dr Grech imma trid tibda għax għadek ma għamilt xejn), nippreparaw il-mejda (qabel tipprepara l-mejda trid tnaddaf Dr Grech u jekk mhux se tnaddaf inutli tlesti l-mejda għax ikollok tilqa’ n-nies fil-ħmieġ) u nippreparaw l-ikel (il-mistieden irid jiekol, il-politiku jrid jaqra x’hemm viżjoni għall-futur, mela jekk dawk id-dokumenti mhumiex lesti jnutli tistieden in-nies).

U erġajna koppi, għax kull fejn qed jitkellem irid bil-fors isemmi lil Peregin, qisu dan ir-raġel huwa l-factotum, id-do it all, il-messija u l-jack of all trades (hopefully master of something and not the master of none). Tippruvax tkompli tgħaddina biż-żmien Dr Grech. Peregin ma mponiex ruħu fuq il-Partit imma xi ħadd talbu biex jiġi. Kieku tgħid il-verita’ tkun ħafna aktar kredibbli.

Fl-aħħar għaqqad kollox għax semma li Francis Zammit Dimech u Ċensu Galea warrbu biex jagħmlu l-wiesa’ għal nies ġodda. Dr Grech, ftit taż-żmien ilu Francis Zammit Dimech qal li hu se jibqa’ hemm sal-elezzjoni. Diġa inkitbet din imma se nirrepetiha. Zammit Dimech ried jibqa’ imma int tgħajjartlu rasu għax Francis kien bżonnjuż biss biex jittajjar Adrian Delia. Nispera li ma ġaralux l-istess ħaġa Ċensu Galea. Tippruvax tbellgħalna r-ross bil-labra. Kemm ikun aħjar li tgħid il-fatti kif inhuma u mhux nippruvaw induru mal-lewża. Gidba ġġib lill-oħra. U jekk qed taħseb li meta fi kliemek ma tkunx veritier u ħadd ma jinduna, għandek żball kbir.

https://www.independent.com.mt/articles/2021-07-18/local-news/Robert-Abela-must-denounce-Joseph-Muscat-s-legacy-Grech-6736235292?fbclid=IwAR3UxInaTyRXAl8rYpcPV28lBXRfd0hEvvhwQtFHM3njSa2HynMSA2ZhMb4