Reazzjoni għall-post ta’ Louis Barbara dwar l-block vote li sar għall-elezzjonijiet tal-esekuttiv

Ittra li rċevejt dan il-messaġġ mingħand persuna ta’ twemmin Laburista

Nixtieq nibgħat messaġġ lil Louis Barbara. Nirringrazzjah talli għadda messaġġ qawwi li jirrifletti l-mod kif qed jaġixxi llum il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech li nispera li tant iħobb. Dan ir-raġel qed jgħaddi messaġġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li l-Partit tiegħu, li persważ li huwa l-Partit Nazzjonalista, jagħmel differenza bejn l-irġiel u n-nisa li jimmilitaw fil-partit. Dan ir-raġel ikkonfermali li l-partit tiegħu mhux dak il-partit li qed jipprova jippriedka fuqu l-kap il-ġdid li għandu dan l-istess partit.

U jiena bħala Malti/ja ħadt pjaċir b’dak li kiteb Louis Barbara. Kif nara messaġġ bħal dak, miktub minn bniedem li jidher li għandu għal qalbu ħafna lill-Partit Nazzjonalista u jidher ukoll li hu minn ta’ ġewwa, fejn jgħid li hu (u ħafna oħrajn) jaf min huma ċertu nies, li jien personalment ma jinteressanix min huma, u ferħan li ħallihom barra, allura jien ikolli nifhem li la jien ma naqbilx miegħu fil-ħsieb tiegħi, jidħolli dubju serju kemm se jilqa’ lili.

Għalfejn qed ngħid hekk? Dan kiteb dan il-kumment wara li għalqet l-elezzjoni nterna tal-Partit Nazzjonalista u anke ħareġ ir-riżultat. Kont naf li għaddejja elezzjoni biex jintagħżlu nies għall-kumitat esekuttiv tal-partit tiegħu. Din l-elezzjoni suppost kienet bejn l-aħwa Nazzjonalisti li suppost ma twassalx għall-kummenti bħal dawn ta’ Louis Barbara. Imma meta taqra messaġġ bħal dan, u sfortunatament ħafna oħrajn, tibda tistaqsi, kif jista’ jkun li Bernard Grech qed jitlob għall-għaqda meta għandu nies madwaru jxerrdu d-diviżżjoni jekk mhux ukoll xamma ta’ mibgħeda? Għaliex meta taqra dan ikollok tikkonkludi li Louis Barbara mhux biss hu Nazzjonalist, imma anki kunsillier li mar għamel dmiru u vvota. Biss qabel ivvota għamel il-homework tiegħu. Dan ħares lejn l-ismijiet u nimmaġina prova jarahom mil-lenti tiegħu. Ma tax każ jekk humiex idoneji, ma tax każ jekk humiex kapaċi, ma tax każ jekk humiex nies li jistgħu jressqu ideat fil-kumitat esekuttiv, ma tax każ jekk humiex nies li għax iħobbu lill-partit lesti li jagħtu minn ħinhom għal ġid tal-partit suppost tiegħu.

Meta taqra dik is-sentenza u tifhimha, tibda tgħid imma mil-liema lenti jafhom lil dawn in-nies? Kelli nistaqsi ħabib tiegħi biex jispjegali kif dan Louis Barbara jasal biex jikteb kliem bħal dan u x’jaħseb li ried ifisser. Huwa qalli li dan Louis kien qed jirreferi għal Nazzjonalisti li għadhom leali lejn Dr Adrian Delia. Dan fetaħli għajnejja u mill-ewwel bdejt nara u nifhem. Mela dan Louis kien qed jirreferi li kien jaf min huma dawk il-kandidati li kienu jissimpatizzaw, u allura għadhom, mal-kap ta’ qabel Dr Adrian Delia.

Mela dan ir-raġel, Louis Barbara, qed jikkonferma li kien hemm ħadma, ftehim, block vote, għażla, preparamenti biex il-maġġoranza tal-kunsillieri jħallu barra kandidati speċifiċi. Mela kien hemm dan kollu biex ikun hemm ċertezza li dawk li donnhom għadhom jissimpatizzaw ma’ Dr Adrian Delia jibqgħu ma jersqux lejn il-kumitat esekuttiv.

Louis Barbara fil-kumment tiegħu kien affermattiv għax iddikjara fil-kitba qasira tiegħu “u ħallejnihom barra mill-esekutiv”. Nixtieq nistaqsi lil Louis Barbara, allura dawn mhux Nazzjonalisti bħalek?

Louis, grazzi talli esprimejt l-ideal tiegħek. Grazzi talli wrejtni kif jaħdem il-partit tiegħek. Grazzi talli fehemtni li int u sħabek lesti tarmu lil ħutkom Nazzjonalisti. Grazzi talli kkonfermajtli li intom nies diviżivi man-nies tagħkom stess. Grazzi talli wrejtni bl-attitudni tiegħek u ta’ sħabek li intom lesti taqtgħu metaforikament l-irjus ta’ Nazzjonalisti bħalkom.

Ħa ngħidilek ċara. Nirringrazzja lil Alla li jien Laburist. L-aħħar ringrazzjament għalik. Jekk xi darba kelli xi ħsieb li nersaq lejn il-Partit Nazzjonalista tiegħek, dawk it-tmien kelmiet (qed nieħu kollox bħala kelma) li ktibt biex tgħaddi messaġġ, qed jikkonfermawli li posti żgur mhux fil-Partit Nazzjonalista. Qed inwiegħdek li se naħdem iżjed biex kull min qed jiddubita mil-partit fil-Gvern nikkonvinċih li l-partit fl-Oppożizzjoni jidher li huwa ħafna agħar.

Leave a Reply