It-tweġiba tiegħi għas-sejħa tal-kap il-ġdid tal-PN, Christian Peregin

Blog post minn osservatur politiku

Christian Peregin, il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, beda jfajjar l-ordnijiet. Ħa naraw x’qed jordnalna dan l-kap il-ġdid.

Ħuti Maltin u Għawdxin siru ‘membri tal-Partit Nazzjonalista’. Nispera li qabel ma kiteb din, hu stess daħal membru fil-Partit Nazzjonalista. Isa, kulħadd malajr u mingħajr ma taħsbuha darbtejn, aqbdu u morru d-Dar Ċentrali u idħlu membri. X’jiġifieri m’inthomx se jssiru membri? Issa hawn jien! Mela ejjew bi ħġarkom.

Din sabiħa wisq. ‘Agħtu d-donazzjonijiet’ jew offru somma kull xahar. Mhux bil-fors jitlob il-flus. Inkella s-sitt elef tiegħu kull xahar minn fejn se jiġu. Jaf jistħi dan ir-raġel? Għandu żejt f’wiċċu? Tgħid mhux se mmur, saqajja ma’ sormi, biex nagħti l-flus lill-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jitħallas hu. Jgħidilna l-ewwel, il-veru raġuni għalfejn resaq lejn il-partit imbagħad naraw. Imma kun af li la int u lanqas ħadd minnkom ma hu se jordnali kif u meta nagħti xi donazzjoni lill-partit, jekk nagħti.

Oħra tajba. ‘Offri l-kapaċitajiet tiegħek’. Il-mistoqsija tiġi waħedha; se tħallisni? Jew jien irrid inkun voluntier u int titħallas? Int qed tgħidli biex noffri l-ħiliet tiegħi? U int taħseb li jien se noffri ħini għalik? L-offerti jien nagħmilhom fejn u kif irrid jien u mhux se tkun int li tikkmandani.

‘Tkellmu’ qalilna l-kap il-ġdid. Hekk għamilna. Morna nitkellmu ma’ Dr Bernard Grech, li għalkemm nafu li ma kienx f’waqtu u ħinu li jsir kap, imma tellgħuh it-tesserati. X’ħadna? Kellimtna int Peregin daqshekk kellimna hu. Anżi bil-wiċċ vili kollu qalilna ‘li kien kien u li sar sar’. Ara titħajjarx tibda’ tirrispondi lil min ta ħajtu għall-partit b’dan il-mod.

‘Aqsmu l-ideat’. U kemm qsamna ideat. Speċjalment ma’ tal-klikka u għidnilhom li se jkissru partit. Stmawna? Assolutament le. Anzi baqgħu għaddejjin u ġabu partit għarkubtejh. Issa wasalt int Peregin u tridna nerġgħu nibdew naqsmu l-ideat. Arani ġej. Ibqa’ stennieni. Ma riduniex qabel u b’xejn, issa oħroġ bl-ideat int għax għalhekk qed titħallas u titħallas tajjeb ħafna.

‘Ieqfu tikkomplenjaw’. Eżatt, biex żgur ma nagħtix każ ta’ kliemek, hekk qed nagħmel Peregin. Tgħid ma tiġix int u tgħidli x’nagħmel mal-Partit Nazzjonalista tiegħi, għax issa mingħajr ħadd ma jaf kif, int sibt ruħek issaħħan pultruna fil-partit tiegħi. U tgħid, jekk lili qed iweġġgħani l-partit, mhux se twaqqafni int biex ma ikollokx ma min tħabbat wiċċek. Mhux hekk ser nibqgħu li għax tkellem il-kap il-ġdid, kulħadd irid jagħlaq ħalqu!

‘Ibdew ikkontribwixxu’. Kemm ilna ħabib tagħna. Dawn l-aħħar erba’ snin hekk għamilna. Ikkontribwejna kemm flaħna biex naħdmu flimkien. Taf li kien hemm klikka li ma riditx taf. Taf li kien hemm klikka li kissret dak kollu li konna qed nippruvaw nagħmlu. Taf li kull ma pruvajna nagħmlu, flok qlajna l-kritika mill-partit avversarju tagħna, qlajna l-kritika minn għand in-nisa tal-istess partit tagħna u għamlu minn kollox biex ma jirnexxi xejn. Issa wasal iż-żmien li tkunu tafu xi tfisser tixrob ftit mil-mediċina li pruvaw ibbellgħu lilna ta’ qablek.

U l-aħħar waħda sabiħa wisq. Ta’ min jikkonsidrah bħala l-aħjar messaġġ li qatt ħareġ minn fomm xi ħadd li għandu moħħu floku. ‘Għamel xi ħaġa’. Ħsibna hemm ħbieb għax Peregin biss jaf x’irid isir. Peregin biss qed jaqra l-futur. Peregin biss jaf kull wieħed u waħda minnha x’għandna nagħmlu. Mur għidlu lil dan, kemm ilna naħdmu fil-Partit Nazzjonalista qabel ma konna fil-Gvern, meta konna fil-Gvern u anke issa li qiegħdin fl-Oppożizzjoni.

Imma mid-dehra għal Dr Bernard Grech, int niżel mis-sema jew int l-aħħar ġojjell li ġejt imponut fuqu. Tant hu hekk, li Bernard Grech, għax qed iħossu skomdu li daħlulu ma’ saqajh lil Peregin, f’kull okkazzjoni li jkollu qed jsemmih. Meta Dr Grech jaf ukoll, li hemm ħafna Nazzjonalisti li jiftakru lil Peregin jattakka lil Gonzi biex jagħmillu ħafna ħsara u Nazzjonalisti oħrajn, li ma huma se jinsew qatt, li Peregin kien għadu sal-ġimgħa l-oħra jattakka lil Adrian Delia, imma Dr Grech qed jagħmel ħiltu kollha biex jiddefendi din id-deċiżżjoni u fuq kollox qed jgħolli l-kapaċitajiet ta’ Peregin mogħla s-sema.

Biss issa li jrid jagħmel Bernard Grech hu, li jurina bil-fatti min hu l-kap, lil min qed jirreferu kull min jersaq lejn id-Dar Ċentrali, ma min l-aktar li qed jitkellmu dawk li mhux qed jaqblu ma’ ħafna affarijiet u oħrajn li jmorru għall-wens id-Dar Ċentrali. Iż-żmien jagħti parir. U aħna se nistennew u naraw jekk din il-mossa hux se toħloq frejjeġ jew żvilupp.

One comment

Leave a Reply