Tar-Repubblika nsew it-taħwid fil-korp fi żmien il-Kummissarju Rizzo

Illum fis-7 pm, tar-Repubblika ser isejħu protesta quddiem id-Depot għaliex iridu jmorru lura għal żmien il-kummissarju Rizzo. Naqbel li llum l-korp tal-pulizija mhux qiegħed f’qagħda sew. Dan huwa fatt. Ara x’ġara il-bieraħ fejn il-Malta Independent tirrapporta u nikkwota “No show of Prosecution and Police on Monday re-money laundering case”. Fi kliem ieħor, il-pulizija u l-prosekuzzjoni ma dehrux il-qorti fuq każ ta’ ħasil ta’ flus.

Biss li tiġi Repubblika u tgħid li għandna mmorru għal żmien il-Kummissarju Rizzo insuha. Mela insejtu dak id-delitt lejliet jew fl-ewwel tas-sena ġewwa tas-Sliema? Tiftakruh il-każ. X’ġara? Sallum għadu misteru. Ma nafux jekk hux suwiċidju jew delitt. X’kienet il-konklużjoni tal-inkjesta?

Insejtu missier il-mara ta’ wieħed mill-mejta, Anglu Xuereb, daħal fuq is-scene of crime, jekk niftakar tajjeb, qabel l-istess pulizija? Immaġinaw kieku għamilt hekk jiena! Veru kif jingħad li Anglu Xuereb mar ikellem lill-kummissarju Rizzo fid-depot wara dan id-delitt? Insejtu kemm tkellmet Daphne Caruana Galizia fuq dak id-delitt, taqbeż għal Anglu Xuereb?

Dak li nista’ ngħid li fi żmien Rizzo, spettur għaddieni kumpilazzjoni għaliex qbadtu jħawwad fuq każ ta’ familja ta’ pulizija mara li llum ma għadhiex fil-korp. F’dan il-każ saħansitra ddaħħal surġent u għin lill-familja ta’ din il-polizjotta f’kawża li kienet qed tidher quddiem il-maġistrat – illum – imħallef Antonio Vella.

Dejjem marbut ma’ dan il-każ, kont anki rċevejt tħarrikiet tal-qorti b’timbri foloz. Dawn it-tħarrikiet kienu marbuta mal-fatt li kelli nidher quddiem il-qorti. Kienu ħarġu mid-depot. Fuqhom kienu jġibu data li ħarġu qabel id-data ta’ meta sar l-allegat każ li kelli nidher il-qorti fuqu! Fuq kollox, marbuta ma’ dan l-istess każ hemm sentenza tal-prim imhallef li takkuża l-uffiċjal prosekutur b’imġieba inspjegabbli. L-ispettur prosekutur kien tella’ jixhed lill-istess kummissarju Rizzo. Il-kummissjaru kellu jkun xhud tad-difiza. Tellgħu jixhed meta l-prosekuzzjoni l-anqas kienet għalqet ix-xhieda tagħha. Aħseb u ara kemm seta’ jixhed. Minflok il-maġistrata tat ħasla lill-ispettur spiċċat tgħajjar lili u tirredikolani! Fuq kollox, f’dan il-każ, il-pulizija appellat f’nofs il-kawża u anki jekk il-pulizija ma kienx għalqet ix-xhieda tagħha fi żmien – jekk niftakar tajjeb ta’ erbgħin ġurnata – xorta l-maġistrata ma tatx is-sentenza kif kienet obbligata tagħmel. Daqshekk kien gwapp il-ħaqq fi żmien Rizzo.  

Fuq kollox għamel xi ħaġa Rizzo lill-ispettur li l-Prim Imħallef qallu li l-imġieba tiegħu hija nspjegabbli? Jekk niftakar tajjeb iwa. Tah medalja għall-qadi tal-korp! Daqshekk kien kbir u glorjuż il-korp tal-pulizija f’dik il-ħabta!

Issa tifhmu għala nikkritika kif nikkritika lill-ġustizzja. Mhux għax għandi xi ħlas imma ma rridx li nies jiġrilhom bħali – jiġifieri li l-korp tal-pulizija jgħaddik kumpilazzjoni talli taqbad lil xi ħadd mill-uffiċjali jħawwad u l-maġistrata – qisha qaħba f’xalata – tispiċċa tgħajrek li tqażżiżha għaliex tarak nervuż fuq il-bank tal-akkużati, tisma’ lill-ispettur iħarref dwarek.

Dawn huma każijiet veri u esperjenzi vera. Dan hu dak li kellha Malta fi żmien Rizzo.

Is-sitwazzjoni marret ’il quddiem? Dażgur li le. Biss ejja nibdew ngħidu “a spade a spade”.   

One comment

Leave a Reply