Pagi fenominali għal tal-qalba u ċiċri għall-ħaddiema l-oħra fid-Dar Ċentrali

Dan l-aħħar, fuq dan il-blog u fuq meżżi oħra tal-aħbarijiet, ingħatat importanza kbira għall-ammonti fenominali li qed jingħataw bħala pagi ċertu nies fil-Partit Nazzjonalista. Issemmew €40,000, €50,000, €60,000 u dan l-aħħar anki €72,000. S’issa għadni ra rajt imkien miktub li, biex b’xi mod jew ieħor, saret xi ċaħda għal dawn l-aħbarijiet li qed jixxerdu mal-erba’ t’irjieħ ta’ Malta u Għawdex.

It-teżorier jew xi ħadd mill-uffiċju tal-finanżi ma fetħax ħalqu. Allura b’mod awtomatiku dawn qed jikkonfermaw dak li ġie ppubblikat fuq diversi portals, blogs u fuq il-ġurnali.

Robert Arrigo, fid-diskors tiegħu waqt l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, ta spjegazzjoni ta’ kif b’għaqal kbir, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jagħmel profiti fiż-żmien meta hu kien teżorier. Imma xorta ma naħsibx li kien hemm daqstant qliegħ li setgħu jiġu mpjegati dawn in-nies kollha madwar Dr Bernard Grech b’dawn il-pagi fenominali.

Bħali qrajtu li hemm numru mdaqqas ta’ impjegati li jaqilgħu erbgħin, ħamsin elf u anke aktar. Biex inkunu ċari l-ġid ma jdejjaq lil ħadd. Jekk hemm min fejn troxxu, ħallihom ħa jroxxu. Biss jiena nifhimha li jekk hemm min fejn tqassam, dan it-tqassim irid ikun fuq kulħadd u mhux dawk tal-qalba biss li daħħlu biex jiddawru ma’ Bernard Grech.

Imbagħad hemm ħaddiema oħra fid-Dar Ċentrali li ilhom jaħdmu hemm numru ta’ snin mhux ħażin. Bdew il-karriera tagħhom fid-Dar Ċentrali pagi ta’ fuq l-elf euro fix-xahar. Paga diċenti għal dak iż-żmien. Ħafna ħasbu li wara xi żmien u wara li jkunu ħadu l-esperjenza neċessarja, wara li jkunu taw aktar sehemhom, għax ikunu tgħallmu iżjed ix-xogħol tagħhom, ser ikollhom xi tip ta’ reviżjoni tal-paga. Bi skantament kbir għalihom, din qatt ma saret.

Darba kien hemm xi tip ta’ attentat biex forsi jgħollu l-pagi lil kulħadd imma ntilfet mat-triq u ma sar xejn. Biex ngħidu kollox, dawn dejjem kien jieħdu l-ammont iddikjarat minn kull Gvern tal-għoli tal-ħajja. Dik skond il-liġi u dejjem ingħatat. Imma żieda fil-paga, bħalma jaħdmu l-iskali tal-Gvern, din qatt ma saret.

Mela meta dawn l-impjegati jieħdu l-paga tagħhom fl-aħħar tax-xahar u joqgħdu jaraw ftit ma’ dak li qed jitħallsu issa, isibu li huma għadhom bl-istess paga ta’ meta bdew il-karriera tagħhom. Imbagħad jidħlu oħrajn b’pagi kbar ta’ money no problem! Persważ li dawk li qed jitħallsu l-eluf kbar illum, meta jkun hemm iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, jeħduha wkoll!

U hawn qiegħed it-trattament mhux xieraq mal-impjegati tad-Dar Ċentrali li jagħtu servizz impekkabbli. Ħafna minnhom ilhom hemm snin twal u qatt ma raw xi żieda fil-paga tagħhom u oħrajn li daħlu kemm ilu li nbidel il-kap, kważi sena ilu, ġew offruti pagi fenominali u li ftit rajna bħalhom fid-Dar Ċentrali.

Il-ħaddiema l-qodma, għax huma umani, bilfors jgħidu li hemm differenza kbira bejn il-ħaddiema li daħlu matul is-snin u dawn in-numru imdaqqas ta’ magħżulin li ġew imponuti fuq il-partit u li daħħlu kemm ilu hemm Bernard Grech.

Kulħadd xortih fid-dinja. Verament kif jgħidu bl-Ingliż – quite a good number of blue-eyed boys!

One comment

Leave a Reply