L-iskandlu taż-żejt: qed jisfuma fix-xejn?

Blog post minn osservatur politiku

Kemm għajjat il-Partit Laburista fuq l-iskandlu taż-żejt. Kemm għamel diskorsi fuq dan is-suġġett. Kemm ħeġġeġ lill-pulizija li jfittxu jagħlqu dan l-iskandlu u kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Kemm qalu xorti fuq il-maħfra presidenzjali mogħtija lil wieħed mill-involuti biex jgħaddi l-informazzjoni kollha neċessarja biex jinqabad min ixxaħħam f’dawn it-tranżazzjonijiet tax-xiri taż-żejt, jekk saru. Kemm għajjar lill-Partit Nazzjonalista li kien imċappas mal-istess nies allegatament imdaħħlin f’dan l-iskandlu kbir u anke kien hemm min qal li l-politiċi kienu qed jaqsmu magħhom. Kif tista’ tinsa li l-Partit Laburista bena il-kampanja elettorali tiegħu fuq dan l-iskandlu.

Illum, tmien snin wara, fejn qiegħdin dwar dan l-iskandlu? Tmien snin wara x’għamel il-Gvern Laburista biex jikkonkludi dan l-allegat tbagħbis ta’ flus, tixħim, kummissjonijiet u ħafna affarijiet oħra? Tiftakru kemm pruvaw iċappsu politiċi Nazzjonalisti u nies oħra qrib il-Partit Nazzjonalista minħabba dan ix-xiri taż-żejt?

Dak iż-żmien, il-Laburisti kienu jikkonsidraw lil kull min kien b’xi mod viċin ta’ dan l-allegat skandlu taż-żejt, li kollha kienu Nazzjonalisti. Tiftakru kemm tkażaw għal xi uħud li kienu mdaħħlin fil-każ, li kienu parentela ma’ politiċi dak iż-żmien. Tiftakru kemm ħambqu fuq il-political appointments li kienu jsiru dak in-nhar. Imma wara dak l-istorbju kollu, wara dawk l-allegazzjonijiet kollha, wara dik il-kitba valenuża kollha li biha tkissru diversi nies u familji, wara l-ammonti kbar li ssemmew li daħlu fil-bwiet ta’ ċertu nies, il-Partit Laburista fil-Gvern ħalla dan il-każ fuq l-ixkaffa u ħallejna kollox jiġbor it-trab. Issa nafu li l-proċedura li wżat il-prosekuzzjoni ġabet waqqfin fil-proċeduri kriminali.

Min jaf għaliex hux? Issa qegħdin f’sitwazzjoni li anki persuni li jxaqilbu lejn il-Partit Laburista u ġew arrestati minħabba dan l-iskandlu qed jitolobu biex jingħalqu l-proċeduri kontrihom fil-qorti . Donnu l-pulizija bierdet u ħalliet lil kulħadd jidher imċappas mingħajr ma hemm ġudizzju fil-qrib. Kellu jkun persuna Laburista li qed titlob biex l-affarijet fuq dan, hekk meqjuż skandlu, jimxu. Jitressaq min għandu jitressaq. Jixlu lil min għandhom jixlu. Jirrispondi min għandu jirrispondi. Jeħel min għandu jeħel jekk għandu jeħel xi ħadd u jiġu meħlusa minn hu innoċenti.

Imma almenu t-tiċpisa fuq diversi nies jew titnaddaf jew jirrispondu għaliha. Ma jistax ikun li persuni msemmija f’dan l-allegat skandlu jibqgħu jgħixu ħajjithom qisu qatt ma ġara xejn. Jekk hemm ta’ x’hiex iridu jirrispondu, hekk għandu jsir. Jekk ma hemm xejn hekk għandu jsir ukoll u jinħelsu. Kulħadd jew jidħaq jew ikun hemm xi ħadd jibki. Kull wieħed għandu jerfa’ ir-responsabilita ta’ għemilu.

U l-Partit Nazzjonalista fejn hu f’dan kollu? Baqa’ ċass fuq dan l-allegat skandlu li fuq kollox sar, jekk sar, jew twettaq jekk twettaq, fi żmien Gvern Nazzjonalista? Forsi l-Partit Nazzjonalista jirraġunaw li l-awtoritajiet Maltin ħadu nasgħa twila u forsi jkun aħjar inħallu kollox wieqaf. Imma jekk il-Partit Nazzjonalista jrid anke hu jnaddaf għemilu, dawn il-passi legali għandhom jittieħdu u jaslu fi tmiemhom.

Imma kif f’dan il-pajjiż, kollox isir bi tqanżih kbir? Kollox bl-iskossi. Kollox fis-saħna tal-mument u jekk taħsel l-istorja tibred, kollox jintnesa u kulħadd jibqa’ b’dak li ħa. Dan ifakkarni għal dawk it-tattiċi politiċi fejn jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa biex iħammeġ, u ma tkunx veritiera, xi ħaġa teħel. U jekk jillibellaw, sa meta tinqata’, snin wara, il-każ ikun intesa, imma xi ftit tal-ħmieg ikun serva u weħel ma’ dak li jkun.

One thought on “L-iskandlu taż-żejt: qed jisfuma fix-xejn?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *