Where your opinion counts

Il-Kunsill Ġenerali ġie jiswa madwar 20,000 euro

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista beda’ Għawdex is-Sibt 10 ta’ Lulju u spiċċa il-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta, is-Sibt 17 ta’ Lulju. Barra dawk iż-żewġ laqgħat kien hemm attivita’ oħra l-Qrendi ta’ Mistoqsija u Tweġiba. Imma jekk kulħadd ħaseb li biex sar dan il-Kunsill Ġenerali waqa’ kollox mis-sema għandkom żball kbir. Minn kalkolazzjoni li għamilt,dan il-Kunsill Ġenerali ġie jiswa’ lill-Partit Nazzjonalista €20,000 (għoxrin elf Euro). Bħal tesserat nistaqsi jekk dan hu minnu.

Mela għandna partit midjun sa’ ruħ ommu li għandu jħallas il-VAT, l-Income Tax, l-ARMS, l-Awtorita’ tax-Xandir għal numru ta’ snin u jonfoq €20,000 biex jagħmel żewġ laqgħat. Ma ninsewx li hemm mijiet ta’ kumpaniji jiġru wara l-Partit Nazzjonalista għal flushom. U hekk kapriċċjożament il-partit, li mimli dejn, mar u tajjar €20,000 f’temp ta’ ġimgħa biex taparsi juri kemm hu galantom u lest li jiggverna.

Biex ma taħsbux li qed nivvinta xi affarijiet. Araw kif ħdimt din is-somma tal-ispejjeż involuti. Biex toħroġ l-OB Unit trid €7000 ma’ jmissu ma xejn. Armar ta’ palk fil-Barakka ta’ Fuq, f’Għawdex u postijiet oħra fejn mar il-Kunsill Ġenerali normalment jiswew €4000. Il-kirja tal-Barakka ta’ Fuq tiswa’ madwar €700. Il-kiri ta’ screen jiswa’ €3000. Pagi u overtime tal-ħaddiema normalment itellgħu €2700. Ħlas għal trasport u ġarr jiġu madwar €1200. Nispera li l-Partit Nazzjonalista jgħid li jien żballjat f’dawn il-kalkoli.

U dan kollu meta l-votazzjoni tal-kunsillieri setgħet issir fis-swali ta’ fuq, jew fl-ewwel sular bħalma sar il-vot ta’ fiduċja fil-Kap u l-Kunsill Ġenerali kien isir fis-sala l-kbira tad-Dar Centrali li għadna qed inħallsu! Ma kienx ikun hemm għalfejn jintuża l-OB Unit u kollox kien isir fid-dar tan-Nazzjonalisti.

Il-mistoqsija weħedha tqum hux: min qed iħallas għal dan l-isparpaljar ta’ flus? Ir-risposta hija ovvja: iħallsu ta’ warajna!

Ħadt pjacir nisma’ lil Robert Arrigo jgħid kemm kienu bil-għaqal l-amministrazzjoni taħt Adrian Delia li naqset id-dejn u waqfet it-telf. Imma jidher ċar li issa erġajna qbadna l-moda tal-infieq bl-addoċċ! U għandna kampanja elettorali wara l-bieb! Mulej ħudni!

U he bilħaqq għax kont se ninsa. Ma’ dawn l-€20,000 mhux qed inżid l-ewwel ġimgħa paga ta’ €1500 għal Peregin!

One thought on “Il-Kunsill Ġenerali ġie jiswa madwar 20,000 euro

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *