Il-kunjom Fenech Adami qed jitlef is-saħħa politika tiegħu

Il-kunjom Fenech Adami kien ta’ ispirazzjoni kbira għall-Partit Nazzjonalisti u għall-elettorat Malti u Għawdxi. Dan il-kunjom tfaċċa fil-Partit Nazzjonalista meta Eddie Fenech Adami kien l-editur tal-ġurnal tal-Partit Nażżjonalista li kien joħroġ kull ġimgħa. Imbagħad dan il-kunjom tela’ fix-xena politika fl-1969 meta Eddie Fenech Adami daħal il-Parlament permezz ta’ co-option.

L-għajta dejjem kienet ta’ ‘Eddie, Eddie’, imma qatt ma ntuża kunjomu bħala arma politika. L-għajta “Eddie Eddie” ngħajtet l-ewwel darba fl-1977 meta sar kap tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk dak l-isem tnaqqax fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Fl-istess waqt, il-kunjom Fenech Adami ġie mniżżel bl-ittri sbieħ u b’qawwa enormi meta ġie mogħti l-għola pożizzjoni politika tal-pajjiż. Eddie Fenech Adami sar Prim Ministru fl-1987.

Illum, l-istorja ta’ pajjiżna għandha mnaqqxa fiha dan il-kunjom, għax Fenech Adami kien Prim Ministru mill-1987 sa l-1996 u mill-1998 sa l-2004. Ftit wara l-kunjom Fenech Adami tnaqqax anke fil-palazz meta sar President ta’ Malta bejn l-2004 sa l-2009. Biex jagħmel distinzjoni, Eddie l-politiku u Eddie l-president tal-Maltin kollha, ma riedx li jkun magħruf b’dan l-isem bħala president u kien jinsisti li jissejjaħ Edward.

Meta Edward Fenech Adami kien President ta’ Malta, ibnu Beppe tela’ fil-Parlament għall-ewwel darba fl-2008. Il-poplu Malti ħaseb li l-kunjom Fenech Adami se jkompli isaħħaħ id-dinastija ta’ din il-familja fil-Partit Nazzjonalista. Beppe Fenech Adami pprova u leħaq bħala viċi kap. Kien wieħed mit-triumvirat Nazzjonalista li ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-2017. Jekk il-kunjom Fenech Adami kien b’saħħtu fi żmien il-missieru, ibnu majnah bil-kbir u bdiet it-triq tan-niżla għal dan il-kunjom.

Għalkemm xorta dan il-kunjom baqa’ jissemma fl-arena politika u Beppe Fenech Adami għadu membru fil-Parlament Malti, dan il-kunjom beda’ jitmermer bħala kunjom politiku. Fenech Adami t-tifel, ma baqax iġorr kunjomu b’reputazzjoni għolja li kien darrinha bih missieru. Il-problemi bdew meta Beppe ħareġ għall-viċi-kap u kienet ġiet ikkreata tenzjoni għal xejn fil-Partit Nazzjonalsita mal-fazzjoni ta’ Mario de Marco. Imbagħad eskalat aktar meta leħaq kap Adrian Delia. Minflok Beppe Fenech Adami uża kunjomu biex iġib l-għaqda fil-partit, użah biex jifred, ikisser, jeqred, ineżża l-istima lejn il-kap tal-partit tiegħu stess.

Jekk Fenech Adami l-missier se jibqa’ jissemma għal diversi frażijiet, l-aqwa fosthom, ‘is-sewwa jirbaħ żgur’, Fenech Adami l-iben se jibqa’ imfakkar għall-frażi ħafna inqas famuża, imma importanti ħafna fl-istorja tal-Partit ‘inti moralment m’intiex il-kap tiegħi’. Min hemm il-kunjom Fenech Adami tilef is-saħħa politika li kellu fil-Partit Nazzjonalista u ħa daqqa ta’ ħarta kbira. Dan il-kunjom rinomat u miżmum b’tant għożża minn Nazzjonalisti ġie mxellef u ġibed lejh ċertu livell ta’ ngratitudni u anke sfortunatament mibgħeda.

Issa jekk hemm prova oħra ta’ dan, din hija l-elezzjoni li għadha kif saret tal-esekuttiv. L-iben l-ieħor, ftit iżgħar ta’ Eddie Fenech Adami, Michael, ukoll xellef u tefa’ lil dan il-kunjom l-isfel. Infakkar li Michael Fenech Adami kien is-sindku ta’ Birkirkara. Infakkar li din kienet lokalita’ b’maġġoranza Nazzjonalista. Imħabba l-mod kif Michael mexxa din il-lokalita’ bħala sindku, il-PN tilef il-maġġoranza li kellu f’din il-lokalita’. Fi kliem ieħor, Michael Fenech Adami rnexxielu għall-ewwel darba jtellef il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u jirbħu l-Labour.

Issa Michael Fenech Adami affronta elezzjoni oħra, dik għall-esekuttiv. Din id-darba kellu jtellaq ma’ kandidati oħra biex isib postu fuq il-Kumitat tal-Esekuttiv. Irnexxielu għax tela’. Imma kif tela’? Riedu sitta u kien is-sitt wieħed, għoxrin vot iżjed minn ta’ warajh Abela, li żgur ma kellux kunjomu jaqilgħu. Kemm kemm tela’ anki jekk kunjomu kien Fenech Adami.

Fi kliem ieħor, bil-mod il-mod, dan il-kunjom qed jisparixxi mill-Partit Nazzjonalista. Hu fatt magħruf li Beppe Fenech Adami jixtieq jgħaddih lit-tifel tiegħu. Tgħid ser jirnexxilu? Beppe Fenech Adami qiegħed fil-Parlament. Imma fejn qabel qatt ma kien imur jagħmel house visits, issa qiegħed ikollu jagħmilhom għax qed jibża’ mill-kompetizzjoni ta’ Adrian Delia. Din kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għal din il-kriżi kollha fil-PN.

Tgħid l-elettorat ser jibagħat, bħal ma għamlu l-kunsilliera, li l-kunjom Fenech Adami ma għadux idoqq għal widnejhom? Fi kliem ieħor, dan il-kunjom, waqt li jżomm l-awra storika tiegħu, marbuta ma’ Eddie Fenech Adami, mhux ser jibqa’ b’saħħtu mal-elettorat Malti jew f’dan il-każ mal-eletturi tat-tmien distrett?

One thought on “Il-kunjom Fenech Adami qed jitlef is-saħħa politika tiegħu

  1. Fenech Adami mhux lahaq President imma ghamel lilu innifsu President kif jghamlu I’d dittaturi

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *