Il-klikka li tajret lil Adrian Delia ma dehret xejn f’dan il-kunsill ġenerali
Blog post minn osservatur politiku
Il-Partit Nazzjonalista jmur il-Barrakka ta’ Fuq biex jagħlaq il-Kunsill Ġenerali tiegħu. Tkellmu elenku ta’ nies li kollha qalu tagħhom. Nirreferu għal kliemhom f’artiklu ieħor. Se nitkellem fuq min kien hemm u min ma kienx hemm. Se nirreferi wkoll għal min ta fil-għajn bin-nuqqas tiegħu jew tagħha. Il-klikka, fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, żammew ‘a very low profile’. Dan ġara mhux biss fl-għeluq imma matul il-Kunsill Ġenerali kollu tal-Partit Nazzjonalista. Min jaf għaliex?
Dawk il-kunsillieri jew Nazzjonalisti li attendew diversi sezzjonijiet setgħu jinnotaw kif il-klikka, li ħadmet kemm felħet biex tajru lill-kap Adrian Delia, ftit li xejn dehret, jekk dehret. Dawk id-deputati li ħadmu b’saħħa u b’determinazzjoni qawwija, biex itajru lill-kap tagħhom Adrian Delia u poġġew lil Bernard Grech ma deheru kważi xejn u waqgħu f’muta assoluta tul dan il-Kunsill Ġenerali. Stramba daqsxejn din il-biċċa xogħol. Il-Partit Nazzjonalista kien ilu jipposponi l-ġranet tal-Kunsill, imma kulħadd kien jaf li f’ħin jew ieħor ried isir. Mela bniedem avzat nofsu armat.
Niftakru ukoll li dan kien l-ewwel Kunsill Ġenerali taħt il-Kap il-ġdid Bernard Grech. Allura kif għidt diġa’, tidher stramba ħafna kif dawk li ġabu lill-Partit Nazzjonalista f’dan l-istat li jinsab fih il-Partit illum, lanqas biss dehru waqt din l-attivita’ daqstant importanti li l-amminstrazzjoni ħasbet biex tmur ħdejn il-kanuni tal-Barrakka ta’ Fuq. Mhux in-nuqqas ta’ kull membru Parlamentari għamel l-istess ħoss.
Imma in-nuqqas ta’ Jason Azzopardi u Karol Aquilina għamlu ħoss daqs il-ħoss li jagħmel wieħed mill-kanuni li kienu bil-qiegħda ħdejh. Il-ħoss qawwi li għamel it-tieni kanun biex jirrifletti in-nuqqas ta’ Chris Said forsi kien iżjed qawwi, għax ta’ min isemmi u jfakkar li dan id-deputat Għawdxi kien il-perċimes li ħoloq ix-xisma fil-Partit Nazzjonalista. Dan ma deher imkien. Sparixxa fl-għeluq għalkemm kien preżenti fil-ftuħ li niftakru sar Għawdex u poġġa kważi fil-ġenb biex kemm jista’ jkun ma jidhirx. Bħal donnu xi ħadd iddeċieda li jkun ħafna aħjar jekk għalissa jinħbew id-dinosawri fil-Partit Nazzjonalista.
Jafu li hemm eluf ta’ Nazzjonalisti li għandhom għadab enormi għalihom. Jidher li xi kardinal reġa’ addotta l-istess strateġija li kienet intużat bejn fl-1996 u l-1998, meta kienu sparixxew lil John Dalli. Ħallli nfakkar ftit. Mela l-elezzjoni tal-1996, ħafna jgħidu li ntilfet minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dħul tal-VAT. Wara din l-elezzjoni u anki matul il-kampanja elezzjoni bikrija tal-1998, lil John Dalli ħbewh għal kollox, għax kien mitqies bħala l-kaġun tat-telfa tal-1996 u kien hemm ħafna rabja għalih. Kieku setgħu kienu jiżbranawh lil John Dalli.
X’ġara dak in-nhar? John Dalli tela’ xorta fl-1998 u reġa’ ġie nominat Ministru tal-Finanzi mill-ewwel, kif appena l-Partit Nazzjonalista reġa’ ħa l-Gvern f’idejh.
Qed taraw kif l-istorja qed tirrepeti ruħha. Dak in-nhar, John Dalli. Illum, ħafna mill-klikka li warrbet lil Dr Adrian Delia. Il-bieraħ kien hemm messaġġ ċar lill-partitarji u votanti tal-Partit Nazzjonalista. L-amministrazzjoni qed tgħidlek, lill-klikka qed inwarrbuhom biex ma nirrabjawkomx. Imma xorta bihom se nkomplu nimxu, id f’id magħhom u bil-politika tad-dinosawri tagħhom, li diġa’ tatna għaxar telfiet. U biex inkomplu aktar nagħxquha, jekk nieħdu l-Gvern nappuntawhom Ministri.