Żballji li saru fl-elezzjoni tal-Esekuttiv

Issa li spiċċat l-elezzjoni mill-kunsillieri fil-Partit Nazzjonalista nistgħu ngħaddu ftit kummenti dwar dak li ġara u kif tmexxiet din l-elezzjoni f’dawn il-jumejn. Dawn l-affarijiet se ngħidhom u nispera li jittieħdu b’attenzjoni għal dawk li jirrappreżentaw u mhux bħala kritika negattiva. Kien hemm numru ta’ żballji viżivi fuq il-karti tal-voti. L-iżballji viżivi fuq il-karti tal-vot ma humiex aċċettabbli.

Kif kelli l-opportunita’ nuri, fuq il-karta tal-vot, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, taħt il-lista tal-ismijiet tal-kandidati kien hemm miktub hekk:

“Għandek tivvota għal sitt (6) kandidati tal-għażla tiegħek billi tagħmel sinjal (X) ħdejn isimhom”.

Mela ħalli nifhmu eżattament x’qed jgħidu lil kull min jivvota. Il-Kummissjoni kienet qed tgħidilhom li għandhom jivvotaw għal sitt kandidati. Issa kulħadd jaf li n-numri ta’ rġiel u n-numri ta’ nisa li riedu jitilgħu kien sitta. Imma meta l-kitba tgħidlek li trid tivvota għal sitta, il-messaġġ hu ċar li kulħadd ried jagħmel sitt X. X’ifisser dan? Jekk ikun hemm xi ħadd li jkun irid jivvota għal tnejn jew tlieta, jew inqas jew aktar, ma jistax? Biex nieħdu eżempju iktar li jifhmu kulħadd. Neħdu polza tal-vot li fiha jkollha 10 kandidati f’isem il-partit partikolari. L-ordni lill-votant qatt ma kienet li jrid bil-fors jivvota għal kulħadd. Imma kulħadd jista’ jivvota għall-għażla tiegħu. Imma skond il-karta tal-vot tal-Partit Nazzjonalista trid tivvota għas-sitta kollha. Illum nista’ nżid li kien hemm persuna li kienet qed tqassam il-voti u qalet li jekk ma jimliex sitt kaxex, il-vot jiġi null jew invalidu.

Irrappurtajt f’dan il-blog li kien hemm persuna li qalet lil wieħed mill-votanti biex ma jinsiex u jivvota lis-sitta li qaltlu qabel hi. Mela jidher ċar li kien hemm block vote ta’ sitta. Ma jimpurtax għax tistenniehom u dejjem saru dawn l-affarijiet. Biss skond kif tat l-ewwel struzzjonijiet l-ewwel mara, dik kienet qed tagħmel block vote għal darbtejn. Għaliex qed ngħid dan? Jekk jidħol votant u jkun jixtieq jivvota biex nieħdu bħala eżempju, għal tliet irġiel biss, mid-disgħa kandidati li kien hemm, u tgħidlu li trid tivvota għal sitta, dan il-votant ikun qed jivvota lil dawk il-tlieta tal-għażla tiegħu li x’aktarx ma kienux fuq il-block vote imxerred, u għax qalulu li jrid jivvota sitta nkella l-vot jiġi nvalidu, allura jkun qed jivvota għal tlieta oħra minn tal-block vote. Ta’ min hu l-iżball? Żgur tal-kummissjoni elettorali għaliex kif spjegajt, suppost flok “għal” fuq il-karta tal-vot kellha tikteb “sa”. B’hekk il-kummissjoni kienet qed tagħti support għal dan il-block vote.

U hekk l-istruzzjoni kienet tinqara “għandek tivvota sa sitt kandidati” u kienet tkun tagħmel sens. Biss il-mara li verbalment tat l-istruzzjonijiet għamlet żball ikbar, għax qalet lill-votant li jekk ma jivvutax lil sitta, l-vot ‘ikun invalidu’. Issa rraġuni li dan iseħħ huma tnejn. Din setgħet qalitha apposta biex takkwista voti aktar lil dawk fil-block vote jew qalitha għax ma għandiex idea kif taħdem elezzjoni u allura mhux postha hemm.

Imbagħad hemm it-tielet oppzjoni. Jista’ jkun ukoll li l-membri tal-Kummissjoni Elettorali taw struzzjonijiet ħżiena. Dan qed ngħidu għax f’elezzjoni tista’ tivvota sa sitta u mhux bil-fors sitta, f’dan il-każ partikulari u jekk tivvota inqas minn sitta l-vot ikun validu, anzi validissimu.

Ħa mmorru issa għal karta tal-vot oħra, dik tal-elezzjoni għall-President tal-Kunsill Ġenerali. Il-mistoqsija miktuba fuq il-vot kienet tgħid hekk: “Tikkonferma lil Mark Anthony Sammut bħala President tal-Kunsill Ġenerali”. L-iżball qiegħed fil-kelma tikkonferma. Mark Anthony kien President tal-Kumitat Esekuttiv. Mark Anthony qatt ma kien President tal-Kunsill Ġenerali. Allura jekk ma kienx, jien kif nista’ nikkonfermah? Hemm ried jinkiteb “Trid”, “Taċċetta” imma żgur mhux tikkonferma. Dawn jistgħu jidhru affarijiet żgħar, imma jekk ikun hemm xi ħadd irid juri serjeta’, dawn huma żbalji li juru nuqqasijiet serji u nuqqas ta’ professjonalita’ kif qed isiru l-elezzjonijiet bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply