Il-Partit Nazzjonalista ser ixandar il-job description ta’ Christian Peregin? X’ser jiġri mill-informazzjoni sensittiva tal-partit?
Blog post minn osservatur politiku
Il-Malti jgħid, oqgħod attent li ma ddaħħalx il-lifgħa f’ħobbtok. Jien se nirreferi dan l-istess qawl Malti lill-Partit Nazzjonalista, b’mod metaforiku, għal din id-deċiżżjoni li ħa. Qed nirreferi għall-aħbar li Christian Peregin iddaħħal jaħdem mal-Partit Nazzjonalista. Għadu mhux ċert, għallinqas għalina s-sostenituri tal-Partit, x’se jkun eżatt ix-xogħol tiegħu għalkemm qed tinxtered informazzjoni li se jkun qed imexxi l-istrateġija tal-kampanja elettorali tal-elezzjoni li ġejja.
Nispera u nittama li l-Partit Nazzjonalista jkun ħafna aktar trasparenti mas-sostenituri tiegħu u jxandar pubblikament x’se jkun il-job description tiegħu. Qed ngħid dan għaliex s’issa nafu li hemm armata ġenerali madwar Dr Bernard Grech, imma biex tkun taf x’inhu xogħolhom, qisek qed tistaqsi f’hemm mistur fis-sigriet ta’ Fatima.
Ħafna partitarji Nazzjonalisti għandhom ċerti dubji, qed jitħassbu u forsi jinkwitaw, kif bniedem, li jgħid b’mod miftuħ, li hu mhux Nazzjonalist, x’se jkun qed jagħmel f’pożizzjoni daqstant importanti fil-partit, jekk verament se jmexxi l-kampanja elettorali? Mhux talli hekk, talli jgħid li ta servizz siewi lil Joseph Muscat, li kien iħares lejn Muscat bħala politiku li jista’ jagħmel ħafna ġid għal pajjiżna, li kien jemmen f’Joseph Muscat tant li vvutalu fl-2013 u għalkemm ġara dak li ġara xorta baqa’ jemmen fih u reġa’ ivvutalu fl-2017.
X’taqbad tgħid meta tisma’ li Peregin issa se jidħol jagħmel xogħol delikat ħafna fil-Partit Nazzjonalista? Meta tkun taf minn liema background ġej, hemm nies hemm barra li lesti jagħtuh carte blanche, u jħalluh jieħu r-rigni prinċipali fil-kampanja għall-elezzjoni ġenerali?
Fil-Facebook kien hemm diversi li qalulu ‘welcome on board’. Allura dawn li lanqas għad għandhom spjegazzjoni uffiċjali ta’ x’se ikun ir-rwol tiegħu eżatt, diġa’ tawh il-barka tagħhom? Jew qed nimxu qisna ‘headless chickens’ u naċċettaw dak kollu imponut minn fuq, allavolja ma nafux minn min?
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Partit Nazzjonalista kellu fuqu hacking illegali. Donnu għadda u r-riperkussjonijiet kienu ftit. Imma b’Peregin fil-qalba tal-Partit, x’se jiġri minn dik l-informazzjoni sensittiva li, bla dubju, għandu l-Partit Nazzjonalista? Issa din il-ħafna informazzjoni sensittiva u delikata, li kull partit politiku jkollu, se tkun mitfuħa fuq platt quddiem Peregin? U jekk eventwalment dan jasal biex jieħu deċiżżjoni li bħal ma ġie, jiddeċiedi li jitlaq, kif se nbattlulu moħħu mill-informazzjoni li jkun ġabar?
Dan mhux kompjuter u tkun tista’ tagħmillu delete. Dan huwa moħħ ta’ persuna li jista’ jkollu kull possibilita’ li jimla l-kuruturi kollha ta’ moħħu b’informazzjoni serja. U jekk ikollu din l-informazzjoni x’se jżomm lil dan l-individwu biex jużaha, forsi anke kontra l-istess Partit Nazzjonalista? Għalija din hija ġennata. Għalija din hija mossa ta’ sogru kbir. Għalija din hi turija, li xi ħadd fil-partit tilef il-boxxla. Qed naħseb fil-ħażin, u fl-istess ħin nitlob ‘l Alla, li t-tajjeb ma jonqosx.