“FIK TEMGHU MYSSYRIJYTNA, TEMGHU U YNTI HLYSTHOM”
Blog post minn Fr. David Muscat
“Fik ittamaw missirijietna, ittamaw u inti ħlisthom”. Hekk hemm miktub fuq l-ark tas-santwarju tal-Mellieħa. Il-Maltin qiegħdu it-tama tagħhom f’Alla u fil-Madonna u hi ħelsithom.
Meta dari kien ikun hawn flaġelli ta’ ġuħ, ta’ għaks, ta’ pesta, ta’ ħbit tal-għadu ħajjen, missirijietna daru lejn Alla l-imbierek, lejn Ommu u lejn il-qaddisin f’dak il-għawġ liema bħalu.
Il-biża’ ħakimhom iżda ma għelibhomx. Bil-fidi għelbu kollox għax jekk tgħid lil din is-siġra nqala’ u tmur tħawwel fil-baħar, din tobdik (Luqa 17,6).
It-talb magħmul bil-fidi iġarraf is-swar, jheżżeż is-sisien u jniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom.
Meta ma kellhomx il-kumditajiet tal-ħajja, missirijietna bnew imqades kbar li huma monumenti ta’ fidi. Meta duwa għall-mard kiefer kien biss xi taħlit ta’ ħxejjex bħall-ħurrieq u in-nagħniegħ, ix-xaħxieħ u il-faqqiegħ, huma xierku tbatijiethom mal-passjoni ta’ Kristu għat-tpattija tad-dnubiet.
Din mhijiex xi nostalġija għal xi imgħoddi perfett ta’ slavaġġ henjin li xiddew il-weraq tat-tin u għexu flimkien mingħajr għelt u tilwim. Din ħrafa li kien jemminha Jean-Jacques Rousseau.
In-nisrani jaf mill-Kotba Mqaddsa li minn ewl id-dinja, l-għafrid deffes denbu u għomor il-bniedem f’dal-wied ta’ dmugħ sar karba mill-benniena sat-tebut. Staqsu lill-profeta Ġob.
Quddiem imxijiet bil-wisq agħar mill-COVID tal-2019, missirjietna minflok ma għalqu il-knejjes, marru jiftħuhom aktar. Minflok ma naqqsu il-purċissjonijiet, żiduhom. Minflok ma sakkru il-vari fin-niċeċ, ħarġuhom aktar. Huma irraġunaw li jekk hemm il-mard, it-talb u l-kult jeħtieġ li joktor u mhux jonqos.
Hekk ġara fil-vanġeli għax min tħarrek fieq. Fieq ukoll min tħarrek għall-għeżież tiegħu u qala’ il-grazzja mixtieqa ta’ fejqan għal min iħobb. Fil-għawġ tkattar it-talb trid mhux tnaqqsu!
Mela Ġesu ma ħax it-tilqima, ma libisx il-maskla, ma żammx id-distanzi għax kellu xi qawwiet speċjali li firduh minna lkoll u li ġiebu fix-xejn l-umanita’ tiegħu mħallta fl-unjoni ipostatika mad-divinita’ tiegħu. Bħala bniedem, Ġesu kien jimrad bl-influenza kull xitwa. Is-Sinjur irid jgħallimna li fejn m’hemmx fidi, ftit jista’ jwettaq mirakli. U fejn m’hemmx fidi, lanqas hemm tama.
Jien imma tama għandi. Fis-sena 2021, fil-festa tal-Madonna tal-Karmelu li hija l-aħħar dehra tal-Madonna f’Lourdes, jiena żanżant u berikt din ix-xbieha ġdida tal-Madonna tal-Isperanza. In-nies li jisimgħu il-quddies minn fuq iz-zuntier u b’mod krudil ma jistgħux jidħlu ġewwa minħabba id-distanzi imposti mill-awtoritajiet tort tal-COVID, issa se jkunu jistgħu jitolbu quddiem xbieha tal-Madonna tat-Tama anke waqt ir-rużarju u il-quddies tal-Ħadd.
F’dix-xbieha hemm l-ankra, is-simbolu tat-tama, miżmuma mil-Bambin. Tara ukoll żewg iġifna qed jissieltu mal-mewġ f’maltempata ta’ irwiefen, ħalel u sajjetti. Għandhom il-bandiera marittima ta’ Malta moderna l-isfond tal-Belt Valletta fil-ġenb.
Dawn simbolizzaw lil Malta moderna li qed tegħreq għaliex il-mit ta’ ‘’Malta Moderna l-għira tad-dinja’’ m’hi xejn għajr ġidba tal-brejbes imfassla fil-qiegħ tal-infern. L-ekonomija tagħna mhux biss hija duħħan imma għax hija mibnija fuq is-serq u l-qerq, kbir se jkun it-tiġrif tagħha bħal ta’ dik id-dar mibnija fuq ir-ramel. It-tmiem tal-qżież tagħna hu fil-qrib għax fuq Alla m’hemm ħadd.
Hemm imma ftit insara li daru lejn Alla qabel ma jkun tard wisq. Bħali fl-aħħar dehra tas-Sinjura, is-Sabiħa ta’ Lourdes, kantaw it-Te Deum għax Alla tabilħaqq iniżżel is-setgħana u jgħolli liċ-ċkejknin. Min ittama f’Alla u f’Ommu, l-għarqa ta’ Malta mhijex se tolqtu għax hu u hi żammew sħiħ sal-aħħar. (Mattew 10, 22).