Andy Ellul jingħata l-ġenb fil-Partit Laburista

Matul din il-ġimgħa kellna r-reżenja ta’ Dr. Manuel Mallia minn deputat parlamentari u minfloku ġie co-opted fil-Parlament Jonathan Attard. Biss wara din l-istorja jew aħjar il-co-option ta’ Attard hemm storja li ftit li xejn ħarġet fil-beraħ li turi l-istrateġija politika li għaddej bħalissa fil-Partit Laburista. F’din l-istrateġija, jidher ċar li l-avukat Andy Ellul, qed jingħata l-ġenb.

L-avukat Andy Ellul kien kandidat li ħareġ fuq ir-raba’ distrett fl-elezzjoni li għaddiet. Issa fir-raba’ distrett kien hemm ir-reżenja tat-tabib Etienne Grech. X’ġara? Il-Partit Laburista ħa d-deċizzjoni li anki jekk kien hemm riżenja fuq ir-raba’ distrett, ma marx fuq min kien imissu fuq il-lista bl-aktar ammont ta’ voti biex jitla’ iżda l-Partit Laburista mar għal co-option. Hawn ta’ min jgħid li Andy Ellul kien għamel pressjoni biex jieħu l-post vakat ta’ Etienne Grech. Hu kien imissu li jitla’. Fi kliem ieħor kieku saret bye-election kien jitla’ hu. Imma l-Partit Laburista ddeċida mod ieħor. B’hekk, il-Lejber għażel lil Clyde Caruana li hu kandidat tat-tieni distrett. B’hekk intgħażel xi ħadd li mhux minn dan id-distrett, anki jekk din ir-reżenja kienet marbuta mar-raba’ distrett.

Issa kien hemm reżenja oħra. Din id-darba ta’ Manuel Mallia. X’ġara issa? Għal darba oħra, Andy Ellul ġie maqbuż. Forsi wieħed jargumenta li Manuel Mallia ma telgħax mir-raba’ distrett. Veru. Imma xorta Andy Ellul ġie maqbuż għaliex minflok Manuel Mallia ntgħażel Jonathan Attard li ser ikun qed joħroġ għall-ewwel darba fuq ir-raba’ distrett. Sadanittant, Andy Ellul mexa minn fuq ir-raba’ distrett biex ikun kandidat fuq it-tielet distrett. Hija stramba ħafna kif l-avukat Andy Ellul ma żammx ir-raba’ distrett elettorali, meta fuq dan id-distrett ser ikun hemm żewġ siġġijiet vakanti għall-Partit Laburista, jiġifieri dak ta’ Silvio Parnis u dak ta’ Konrad Mizzi.

Silvio Parnis ġa ħabbar li mhux ħiereġ għall-elezzjoni ġenerali li ġejja u l-uffiċju li kellu, ħdejn il-bandli ta’ Raħal Ġdid issa ttieħed minn Jonathan Attard.

Bl-għażla li saret jidher ċar li l-Lejber ser ikun qed jimbotta lil Jonathan Attard fuq ir-raba’ distrett. Jonathan Attard kien konsulent ta’ Chris Cardona. Fl-istess waqt, qed jintbagħat messaġġ ċar lil Andy Ellul li hu żgur mhux ser ikun mas-super candidates tal-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja.

Fuq kollox, l-istrateġija għall-Partit Laburista hija li jtella’ ħamsa fuq dan id-distrett waqt li l-Partit Nazzjonalista jtella’ tnejn. Erba’ ser jitilgħu b’mod normali. Hemm ċans li titla’ Katya DeGiovanni mis-siġġijiet li issa ġew allokati lin-nisa. Imbagħad il-PN itella’ wieħed u l-ieħor jitla’ fost il-kandidati li jitilgħu biex jagħmlu tajjeb għat-telf tal-voti li bħala l-partit tellief fl-elezzjoni ser jkollu l-PN u dawn jissarfu f’kandidati.

Leave a Reply