X’għamel eżattament Christian Peregin fi żmien il-gvern ta’ Muscat?

Blog post minn osservatur politiku

Christian Peregin iddeċida li jitlaq il-Lovin Malta biex imur mal-Partit Nazzjonalista. Huwa kiteb artiklu fejn qal għalfejn se jimxi minn post għall-ieħor. Huwa ftaħar li fil-ħames snin kemm ilu li twaqqaf Lovin Malta, dan għamel suċċess kbir u jistqarr li se jħalli warajh team b’saħħtu u b’eluf kbar ta’ qarrejja leali ta’ dan il-portal. Barra minn hekk semma li dan it-tip ta’ xogħol li pprovda profitabilita’ b’saħħitha. Imbagħad qalilna x’iħoss hu,

Perhaps that is why I feel like my mission is complete and I am ready to dedicate my time to try and solve a new problem”.

Jiġifieri għalih jfisser li l-Partit Nazzjonalista huwa problema fil-pajjiż u l-Oppożizzjoni ta’ Malta għaddejja minn defiċit demokratiku? Ma tantx hu kumment li jagħti ġieħ lil Bernard Grech, meta bniedem li għadek kif tgħajtu xogħol, jgħidlek li int problema b’tali mod li jista’ jwassal li l-Gvern jakkwista ż-żewġ terżi tal-kamra tal-parlament. Infakkar li Bernard Grech intgħażel u sar kap għaliex ġie ppreżentat bħala s-soluzzjoni ta’ din il-problema.

F’ħin minnhom, Peregin irrefera għall-Gvern ta’ Gonzi li kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed, u kiteb

“Anything it did or said risked triggering the collapse of government due to the wafer-thin support it had”.

Nixtieq nistaqsih, x’kont qed tagħmel int dak iż-żmien? Kemm għintu lill-Gvern ta’ Gonzi jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-pajjiż? Ma jidhirlekx li int kont wieħed minn dawk li komplejt titfa’ l-melħ fuq il-ferita li kellu miftuħa dak iż-żmien il-Gvern tal-ġurnata u xtaqt li Malta tibda titmexxa minn Joseph Muscat?

Ma tantx se ninsew malajr Sur Peregin, dak il-valenu kollu li kont ixxerred kontra Gonzi u l-Gvern tiegħu meta kont ġurnalista tat-Times of Malta. Illum Peregin qed iħoss li l-Gvern Laburista b’maġġoranza ta’ seba’ siġġijiet mar fl-estrem l-ieħor. Kemm infakkru li din il-maġġoranza ilha hemm mill-2013. Kif ma kienx jattakka lil Prim Ministru Muscat dak iż-żmien? Infakkar li għallavolja bejn l-2013 u 2017, il-Gvern ta’ Muscat kien mifni mill-korruzzjoni, xorta reġa’ vvutalu fl-2017.

Issa dan il-ġurnalist qed jitkellem ukoll fuq il-greylisting ta’ pajjiżna. Ma jidhirlux li forsi hu ma jistax jgħolli jdejh għax toħroġ ir-riħa, peress li wasalna għal dan il-kulur grazzi għal Joseph Muscat li hu kien ifaħħar? Fil-fatt Peregin jammetti li,

“I don’t have any hatred, bitterness or resentment towards Labour. I have respect for Prime Minister Robert Abela, who stood up to the plate at an extremely difficult time for his party and the country, only to then be immediately thrust into the COVID-19 pandemic”.

Peregin issa beda jara d-dawl. Issa ħass li hemm kap li lest li jilqa’ lura nies biex jgħinuh jerġa’ jibni. Għaliex ta’ qablu ma kienux? Lanqas Simon Busuttil ma ried bidla, li bagħat għal Peregin u qallu le. Jammetti hu stess:  “I am not a fervent Nationalist” u kompla jgħid li meta ħass li kellu jivvota lill-Partit Laburista fl-2013 u fl-2017 ma ddejjaq xejn. Dak iż-żmien il-karru tiegħu kien marbut ma Joseph Muscat.

L-għeluq ta’ dan l-artiklu pjuttost twil li kiteb Peregin jagħlaq b’tali mod li għandu jdaħħal f’moħħ kulħadd dubju serju u li kull Nazzjonalist irid joqgħod attent ħafna għalih. Araw x’kiteb wara li qal li kien unur kbir għalih jaħdem ma’ Lovin Malta

“I promise to apply all the things I’ve learnt to my new mission and to stay true to the values, principles and experiences that guided me from the start”.

Nazzjonalisti, membri tal-amministrattiv, membri tal-esekuttiv, kunsilliera, membri tal-kumitati seżżjonali, tesserati u dawk kollha li jħaddnu t-twemmin tal-Partit Nazzjonalista, il-messaġġ ta’ Peregin huwa ċar. Qed iwiegħed b’mod miktub li hu se juża fil-missjoni ġdida tiegħu (jiġifieri fil-Partit Nazzjonalista) dak kollu li tgħallem minn Lovin Malta u li se jibqa’ fidil lejn il-valuri, il-prinċipji u l-esperjenzi li ggwidawh mill-bidu tal-ġrajja tiegħu ma’ Lovin Malta.

Viva l-ultra liberaliżmu li ħaddan fil-ħames snin ma’ Lovin Malta. Viva l-Partit Nazzjonalista għalissa, għax jista’ jasal żmien fil-futur viċin li nistaqsu, fejn spiċċa il-Partit Nazzjonalista? Fejn huma l-valuri u l-prinċipji li ħaddan dan il-Partit għal 140 sena sħaħ?

One comment

Leave a Reply