Mark Anthony Sammut jitlob għall-għaqda wara li kien fi klikka li qasmet il-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Mark Anthony Sammut, fl-ittra tiegħu li bagħat lill-kunsillieri (li qiegħda mehmuża), qed jgħid li qed iwieġeb għas-sejħa tal-Partit u tal-Kunsilliera, meta tefa’ in-nomina tiegħu għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali. Se nistaqsih ftit mistoqsijiet

L-ewwel, jista’ jgħidilna s-Sur Sammut min huma dawn il-kunsilliera li staqsewk tieħu din il-pożizzjoni fil-Partit? Ma taħsibx li dawn il-kunsilliera kollha jiftakru li tfajt ix-xugaman mal-ewwel intopp li sibt ma’ wiċċek meta kont President tal-Eżekuttiv?

Jekk qed taħseb li mhux kulħadd jiftakar ‘that you chickened out’, bil-ħsieb li żżarma l-amministrazzjoni kollha miegħek, sejjer żball kbir. Meta tgħid li talbek il-partit biex titfa’ n-nomina, ma taħsibx li qed tipprova tqarraq? Taħseb li mhux kulħadd jaf li din l-offerta ilek tistennieha minn meta ntfajt b’ruħek u b’ġismek fil-kampanja ta’ Bernard Grech, basta tgħinu jirbaħ ħalli jitwarrab Adrian Delia, persuna li int qatt ma aċċettajt?Ma taħsibx li kulħadd jaf li din il-pożizzjoni kienet ir-ringrazzjament ta’ għemilek biex jitwarrab Dr Adrian Delia?

Fl-ittra tiegħu juża dawn il-ħafna kliem ‘jiġġedded, jissaħħaħ, naħdmu flimkien, nirnexxu, fiduċja, rispett, żvilupp, ġid għal pajjiżna, paġna ġdida ta’ serjeta’ u integrita’, sod, magħqud, organizzat, viżjoni alternattiva, politika nnovattiva u effettiva, nagħti sehem akbar, entużjażmu, enerġija, tul dawn l-aħħar 16-il sena’. Kemm hu kliem sabiħ u tieħu pjaċir tisimgħu. Imma hawn xi ħadd li lest li jassimila, jressaq, ixebbaħ, javviċina jew jattribwixxi dan il-kliem sabiħ lil Mark Anthony Sammut?

Mark Anthony int diġa kont hemm biex tipporva ġġedded u ssaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista. Mela nsejt li kont President tal-Esekuttiv? Ippruvajt iġġeddu l-partit? Ippruvajt issaħħu lill-partit? Jew ħdimt kemm flaħt biex dak li kien ipoġġi ħdejk fl-esekuttiv, il-kap tiegħek tarmih, tqaċċtu, tirremettih u tavvelih mingħalik?

Min jista’ jaħdem miegħek ħlief dawk li ġġakbinajtu lill-Partit Nazzjonalista? Kif jista’ xi ħadd jaħdem miegħek meta int ridt biss dak li xtaqt int u ma ħallejtx lil ħaddieħor jaħdem? Int trid tirnexxi? Kif se tirnexxi billi titbiegħed minn fejn toqgħod għax qtajt qalbek mil-lokalita’ tiegħek u tmur tittallab il-voti fl-għaxar distrett, jiġifieri Tas-Sliema? X’fiduċja tridna ntuk? Lanqas dawk tar-raħal tiegħek ma għandhom fiduċja fik, li trabbew miegħek, kif qed tippretendi l-fiduċja mingħand il-kunsillieri? Int titkellem fuq ir-rispett? Kemm urejt rispett int lil Dr Adrian Delia? Mela kif tista’ titlob ir-rispett lilna? Aħna nirrispettaw lil min irrispetta d-deċiżżjoni tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Imbagħad tgħid li trid toħloq żvilupp u ġid għal pajjiżna. Biex tagħmel hekk l-ewwel trid tkun raġel, titlob skuża lil min għamiltlu tant ħsara u wara, forsi, tibda tipprova tagħmel ftit ġid.

Din sabiħa wisq ‘paġna ġdida ta’ serjeta’ u integrita’. Imma possibbli ma tafx tistħi? Imma possibbli int taħseb li tispira serjeta’? Li kieku kont bniedem integru, kont taċċetta l-vot tat-tesserati u taħdem ma’ min tellgħu huma u mhux tiċħad il-vot tagħhom b’salt kutrumbajsi ta’ voti ta’ sfiduċja?

Imbagħad ikompli jgħidilna li jrid partit sod, magħqud u organizzat. Int trid partit sod meta int u sħabek ġibtu Partit biċċiet? Kif jista’ xi darba jingħaqad dan il-partit meta ħloqtu kemm Alla ħalaq fazzjonijiet? U irid jarah organizzat. Taf meta jorganizza ruħu l-partit, meta salt ġakbini bħalek idabbru rashom u jisparixxu mill-partit.

Qal li jixtieq jaħdem għal viżjoni alternattiva, politika innovattiva u effettiva. Semmilna xi viżjoni alternattiva li ressaqt lejn il-partit? Għidilna x’politika innovattiva u effettiva għandek? Naħseb għandek ħafna politika, imma ma fihiex dawn id-doni. Naħseb li l-politika tiegħek Mark Anthony hija bbażata fuq id-diviżżjoni.

Imbagħad spiċċalna l-elenku tas-superlattivi, li lest li jagħti sehem akbar, b’ħafna entużjażmu u enerġija. Mela wara li għamel raqda ta’ kważi tliet snin fi żmien Delia, issa qam kollu entużjażmu, mimli enerġija u jrid jagħti sehem aktar. U jridna nemmnuh. U jrid ibbellalna li lest li jaħdem iżjed minn qabel.

Mark Anthony Sammut int kellek il-possibilita’ kollha taħdem għall-Partit Nazzjonalista. Int kellek iċ-ċans kollu tuża kull ma kellek biex tgħaqqad u tgħin lil min ried iressaq il-Partit Nazzjonlista għand in-nies. Int missek bqajt fuq quddiem biex issemma leħnek f’isem il-partit biex issaħħu u biex torganizzah. Imma minflok int mort il-Belt u tlajt fuq il-pulptu tas-Soċjeta’ Ċivili u ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawk mhumiex il-partit tagħna. Dawk mhux qed jgħinu lill-partit imma qed jkomplu jkissruh. U int, talli għoġbuk dawk iżjed mill-Partit Nazzjonalista tagħna, titla’ jew ma titlax qatt ma tista’ tkun meqjuż bħala wieħed li lest li tagħti kollox għall-Partit Nazzjonalista għaliex int mogħni b’opportuniżmu u ddur ma kull fejn jonfoħ ir-riħ.

One thought on “Mark Anthony Sammut jitlob għall-għaqda wara li kien fi klikka li qasmet il-Partit Nazzjonalista

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *