Kwadru ġdid għall-knisja tal-Isperanza fil-Mosta

Advertisements

Fr. David Muscat ikkummissjona kwadru ġdid għall-knisja tal-Madonna tal-Isperanza fil-Mosta. Fl-ikonografija Kristjana, il-Madonna tal-Isperanza jġibuha bl-ankra. Dan il-kwadru ġie kkummissjonat minħabba li waqt din il-pandemija, Fr. David Muscat xorta baqa’ għaddej, sajf u xitwa, bil-quddies. Hu jagħmel użu miz-zuntier kbir tal-knisja għall-quddies.

Dan il-kwadru pittru, Giacomo Oneto, pittur żagħżugħ minn Sqallija. Dan il-kwadru ser jitbierek il-lejla u ser jibda jinħareġ kull nhar ta’ Ħadd u fil-btajjel il-kbar fuq iż-żuntier.

Il-kult tal-Madonna tal-Isperanza kien qawwi ħafna f’Malta fl-imgħoddi. Il-Madonna tal-Isperanza jew tat-Tama tiġi raffigurata bil-Madonna b’ankra f’idejha. Dan il-kult iddaħħal f’Malta, wisq probabbli minn baħħara minn Marsilja li kienu jiġu jaħdmu f’Malta fuq il-galeri u x-xwieni tal-Ordni ta’ San Ġwann. Hu kult li baqa’ qawwi ħafna matul is-seklu dsatax, l-aktar minħabba l-immigrazzjoni tal-Maltin lejn l-Afrika ta’ Fuq fejn kien hemm kommunita’ kbira ta’ Franċizi minn Marsilja u n-naħa t’isfel ta’ Franza.

Għada dan is-sit ser jippubblika ħsieb teoloġiku dwar dan l-istess kwadru minn Fr. David Muscat.