Moira Sciberras tħaffer il-qabar tal-klikka tagħha stess

Moira Sciberras tellgħet post fejn fih qalet li jien qed nattakka lil Michael Piccinino u staqsitni x’qed jinkwetani dwar il-fatt li Michael Piccinino jsir segretarju tal-Partit Nazzjonalista. Ma għandix problema biex nwieġbek.

Jien ma għandi l-ebda interess li nattakka lil Michael Piccinino. Fuq kollox, dan hu minn pajjiżi u b’hekk nieħu gost li jilħaq hu fuq l-esekuttiv u segretarju ġenerali. Il-problema mhux Michael Piccinino imma r-rispett lejn l-istatut. Jiġifieri jekk flok Piccinino kien hemm xi persuna oħra, hi min hi, u hija impjegata tal-Partit Nazzjonalista, kont nagħmel u nikteb l-istess.

Naf li Paul Borg tella’ post fuq is-site tiegħi biex jiddefendi lil Michael Piccinino. B’hekk hawn ser inkun qed mwieġeb lilu wkoll. Borg qal li Piccinino – bħala – karattru huwa wieħed idoneo. Hawn naqblu. Imma fejn ma naqblux hu l-fatt dwar x’jgħid l-istatut. Piccinino hu mpjegat tal-Partit Nazzjonalista. Mela skont l-istatut ma jikkwalifikax.

Issa kien hemm min qalli, imma Piccinino ma jaħdmix full-time jew part-time mal-Partit Nazzjonalista, imma qed jieħu remunerazzjoni biss. Infatti Borg ġab l-eżempju ta’ Francis Zammit Dimech li hu fatt magħruf li jieħu remunerazzjoni ta’ madwar 2000 fix-xahar. Biss fil-każ ta’ Francis Zammit Dimech, din ġiet iġġustifikat li ma kienetx ħlas għal xogħlu imma biex ikollu xufier u jkun jista’ jħallsu. Ħa ngħidha ċara. Meta wieħed iqies l-istat finanzjarju li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista, kont nistenna li Francis Zammit Dimech l-anqas dawn il-flus ma jieħu! Fuq kollox mhux ħafi u ninsab ċert li seta’ għadda minn għajrhom.

Issa ħa niġi għal każ ta’ Piccinino. Dan għadu żgħir u ma għandux is-saħħa finanzarja ta’ Zammit Dimech. Mela nemmen li għandu jitħallas. Biss Louis Galea daħħal klawsola fl-istatut, li ma kienetx hemm qabel, fejn għamilha ċara li impjegati tal-partit, kemm part-time u full-time ma jistgħux jipparteċipjaw f’din l-elezzjoni. Hawn qegħda l-problema. Mhux Piccinino l-problema imma l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitkellem dwar ir-rispett tar-rule of law u mbagħad hu stess ma jirrispettax l-istatut tiegħu!

Issa jekk lil Piccinino ma kienux qed jagħtuh salarju imma remunerazzjoni għax-xogħol li kien jagħmel hija agħar, għaliex f’dan il-każ qed jintbagħat messaġġ li l-Partit Nazzjonalista qed jittratta lil Piccinino bħala prekarjat. Issa jekk hemm raġuni oħra għala s-salarju ġie deskritt bħala remunerazzjoni hija agħar. Jien ser nieqaf hawn għax mhux l-interess tiegħi li nagħmel ħsara lil ħadd. Biss il-Partit Nazzjonlista jrid joqgħod attent li ma jitfax dellijiet koroh fuq in-nies għax dawn jibqgħu jiġru warajhom għalxejn.

Hawn fejn qegħda l-problema tal-PN. Qed tara, Moira Sciberras, li aktar ma tikteb aktar tkun qed tħaffer il-qabar tal-klikka li inti stess parti minnha.

One thought on “Moira Sciberras tħaffer il-qabar tal-klikka tagħha stess

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *