L-elezzjoni għall-esekuttiv ser jiddeterminaw jekk il-Partit Nazzjonalista jitlifx ruħu jew le
Blog post minn Osservatur Politiku
Bl-aħbar tal-bieraħ li se jidħol fid-Dar Ċentrali bniedem ultra liberali, se jitfa’ onus kbir kemm fuq il-Grupp Parlamentari kif ukoll fuq l-Esekuttiv. Dan huwa bniedem li fi kliemu stess stqarr li hu mhux Nazzjonalist ferventi, huwa bniedem liberali u ġa ddikjara li t-twemmin li mexa bih fl-esperjenza tiegħu ma’ Lovin Malta, se jġorru miegħu fix-xogħol il-ġdid tiegħu. Mela hemm diġa’ dikjarazzjoni li t-twemmin tiegħu se jkompli jwettqu fid-Dar Ċentrali.
Jiena Nazzjonalist għax nemmen fil-valuri u fil-prinċipji Nazzjonalisti u la ħadd ma rnexxielu jkasbarhomli u lanqas se nippermetti lil ħadd imisshomli. X’se jiswieni dan il-bniedem li għandu moħħ u ideat totalment differenti minn tiegħi? Dan se jiġbidni iżjed lejn il-Partit Nazzjonalista jew se ibiegħdni totalment? Qed ngħid hekk għax jekk Christian Peregin ikompli jippriedka l-vanġelu liberali tiegħu anke fil-pożizzjoni ġdida fil-Partit Nazzjonalista, jien ma jkun għad fadalli xejn, ħlief nabbanduna lill-Partit Nazzjonalista u nħabbat bieb ieħor.
Għalhekk aktar ‘il fuq għidt li l-onus importanti u r-responsabilita’ kbira ħafna se taqa’ l-iżjed fuq l-esekuttiv. Hawn bilfors ikolli nirrifletti fuq l-ħtif tal-esekuttiv mill-kap preżenti Bernard Grech. Dan ħalla, għax hekk ried, li kull fergħa, kull kumitat sezzjonali u setturi oħra tal-partit, jintlew b’yesmen tiegħu. Dan ried li jkollu maġġoranza assoluta fl-esekuttiv, biex kif diġa ntqal f’artikli diversi f’dan il-blog, kull ma jitressaq jgħaddi malajr u bla nkwiet. Issa x’se jagħmlu l-membri tal-esekuttiv jekk dan jipprova, per eżempju, jressaq il-partit lejn l-introdużżjoni tal-abort fil-pajjiż?
Peregin qalilna u kiteb kemm-il darba li hu favur l-abort. Min se jieqaflu? Żgur mhux Bernard Grech għax inkella għalfejn ikun ġabu? Irid jieqaflu l-esekuttiv! U jekk l-esekuttiv huwa kollu kemm hu ta’ Bernard Grech, dawn x’se jagħmlu? Se jimxu mal-kurrent ta’ Bernard Grech jew se jieqfulu?
Imbagħad bla ma trid tiftakar fl-elezzjoni li se ssir dan il-weekend li ġej. Qed isir block vote favur in-nies li jemmnu b’għajnejhom magħluqa f’dak li qed jagħmel Bernard Grech. Dan biex l-esekuttiv żgur jispiċċalu snienu kollha. Mela jekk dan iseħħ, l-esekuttiv ikompli jintela’ b’nies li ma humiex se jopponu dak li jrid Dr Grech.
Ir-ruħ tal-partit issa qiegħda f’riġlejn il-membri tal-esekuttiv. Jekk il-Partit Nazzjonalista jitlifx ruħu jew le, ġiet għad-deċiżżjoni ta’ dawk li għamlu ħilithom biex Bernard Grech ikun kap għax ħaduha qatta bla ħabel kontra Adrian Delia. Nistgħu nafdawhom lil dawn in-nies? Nistgħu nserrħu rasna li l-membri tal-esekuttiv se jkunu iżjed leali lejn il-Partit Nazzjonalista milli lejn l-ideat Liberali u Marxisti ta’ min se jagħmel u jibni l-istrateġija għall-elezzjoni li ġejja?
Infakkarkom ħaġa mportanti ħafna. Meta Simon Busuttil kien Kap, u saqsa lil Peregin jgħinu jiġġieled il-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat, dan qallu le. Mela dak in-nhar għażel il-flus li Lovin Malta kienet qed iddaħħal mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Issa li Bernard Grech daħlu fil-Partit Nazzjonalista biex imexxi l-kampanja elettorali. X’se tkun l-aġenda ta Peregin?
Skond kitbietu l-bieraħ hu se jibqa’ fidil lejn dak li ħaddan f’dawn is-snin fit-tmun ta’ Lovin Malta. Dan biss lili jinkwitani b’tali mod li se nistqarr, li kif nara xi ċaqlieq li lili ma jogħġobniex, li kif nara li l-Partit Nazzjonalista qed iħaddan ħsibijiet liberali ta’ ispirazzjoni Marxista pjuttost estremi, li kif nara li l-pożizzjoni tal-partit tbiddlet u ma għadhiex konservattiva u mmexxija mill-ħsieb Kattoliku, allura dan il-partit ikun tilef ruħu. Jien ma jkun fadalli ebda triq oħra li nwarrab il-bandiera li ħaddant għomri kollu.