Il-pożizzjoni tal-Ispeaker hija korretta dwar ir-rapport ta’ Hyzler

F’dawn il-jiem kellna d-diskussjoni tar-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards, George Hyzler. Hemm numru ta’ affarijiet li kont nistenna li ser jiġu mistaqsa waqt is-seduta tal-kumitat tal-kamra, kemm meta kien hemm Hyzler innifsu u anki dik ta’ wara, meta ttieħed il-vot fuq dan ir-rapport. Dawn il-laqgħat ġew ippreseduti mill-ispeaker li naħseb li mexxa b’mod oġġettiv ħafna.

Segwejt x’kellhom xi jġħidu d-deputati Maltin, kemm tal-Gvern u b’mod partikolari dawk tal-Oppożizzjoni. Għamlu sew, kif inhu d-dmir tagħhom li d-deputati tal-Oppożizzjoni li rassew fuq li rassew lil Rosianne Cutajar. Għamlu sew li semmgħu lil Joseph Camilleri. Għamlu sew li tkellmu dwar Charles it-Tikka u kif dan biddel il-verżjoni tiegħu dwar it-taxxa. Biss mbagħad bdejt nistaqsi kif ħadd ma staqsa xejn dwar Green Eyes Ltd u Pierre Lofaro? Dan mhux ukoll kien involut u dan ukoll issemma’ fir-rapport ta’ George Hyzler? Kif ħadd ma staqsa jekk hux veru li George Hyzler kien qed jibża’ mill-pressure tal-gruppi Occupy Justice u Repubblika meta għamel ir-rapport tiegħu? Fuq dan kelli okkazzjoni li nikteb fi blog ieħor.

Meta wieħed iħares lejn kif inġabret ix-xhieda minn Hyzler innifsu, wieħed isib li Rosianne Cutajar u anki Charles it-Tikka kollha xhiedu billi marru u kienu mistaqsa minn George Hyzler personalment. Jiġifieri x-xhieda tagħhom kienet bil-fomm f’forma ta’ interrogatorju. Meta ġejna għax-xhieda ta’ Pierre Lofaro, il-proċedura kienet differenti. Dan ingħata d-dritt li jagħti x-xhieda tiegħu bil-miktub. Lofarlo qatt ma ġie mitlub biex jixhed bil-fomm. Għaliex ħadd ma staqsa dwar dan il-punt? Ħaddieħor bil-fomm biss seta’ jixhed quddiem il-Kummissarju tal-Istandards. Issa, George Hyzler ikkrea preċedent għaliex dak li jgħodd għal ragel tal-imħallfa Abigail Lofaro għandu jgħodd għal kull ċittadin ieħor u kull ċittadin għandu dritt jagħti jixhieda tiegħu bil-kitba u mhux bil-fomm.

Nistaqsi għala Rosianne Cutajar u Charles it-Tikka ma ngħatawx dan l-istess dritt li jagħtu huma wkoll ix-xhieda tagħhom bil-miktub. Għala ħadd ma tkellem li l-flus ingħataw fi flus kontanti u dan sar fil-preżenza ta’ Pierre Lofaro? Għala ħadd ma staqsa u investiga min talab li dan il-ħlas isir bi flus kontanti? Kif kelli iċ-ċans nikteb, li ma kienx Yorgen Fenech li talab biex dan il-ħlas isir fi flus kontanti. Għaliex dwar dan ħadd ma jitkellem u ma jistaqsi xejn? Għala ħadd ma staqsa jekk meta qed isir ħlas fi flus kontanti fuq konvenju, min talab hekk ikun qed jaħbi ħasil ta’ flus?

Fuq kollox, meta wieħed jara kif ta’ xhieda bil-miktub Pierre Lofaro, huwa bbaża kollox fuq detto del detto. Ix-xhieda ta’ Lofaro tirrigwarda dak li qallu Camilleri. Mhux ovvja li ser jaqblu? Fuq kollox, il-proċedura addotta fil-każ ta’ Pierre Lofaro aktar għenet biex dak li kiteb jaqbel ma’ dak li qal li qallu Joseph Camilleri!

Jien kont nistenna d-deputati tagħna jgħafsu fuq dan il-punt għaliex jidher ċar li hemm min hu ppreferut fuq l-oħrajn fil-mod kif tinġabar ix-xhieda tiegħu f’din il-proċedura u dan iwassal biex dan isir proċess politiku u xejn aktar.

B’hekk kellu raġun l-ispeaker li argumenta dwar il-bżonn ta’ aktar investigazzjoni f’dan il-każ. Bħala Speaker irid jara li l-affarijiet isiru sew u b’mod ġust u ekwu. Fejn qegħdha s-sewwa f’dan il-każ? Il-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi jrid jara li kulħadd li jidher quddiemu ikun ittrattat bl-istess mod.

https://www.independent.com.mt/articles/2021-07-13/local-news/Speaker-votes-against-adoption-of-ethics-breach-report-for-now-pending-further-investigation-6736235175?fbclid=IwAR1uMinSQu56GTxFmzlWNH6mvWOQD_RsyrUyTaJIX456n3To5zVhtWR1Zh8

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *