Għaliex omm għandha tibqa’ tbati żball tal-avukat tagħha?
Wasal iż-żmien li fil-qorti tal-familja jkun hemm aktar sens ta’ empatija. Qed ngħid dan għaliex ġie quddiem każ ta’ omm żgħażugħa li kellha tarbija barra ż-żwieġ. Illum din l-omm hija stabbilita’ u għandha xogħol fiss u anki rispettabbli.
Ġara li meta kellha t-tarbija, il-missier ma riedx jirrikonoxxiha. B’hekk spiċċat biex din it-tarbija tniżżlet bħala minn missier mhux magħruf.
Għax xi raġuni li sallum għandi ma nistax nifhem sew, wara li bdejt ninvestiga dan il-każ, bdiet kruċjata kontra din il-mara u omm. Dak li rnexxili niskopri hija li omm il-missier ta’ din it-tarbija hija kanvasser ta’ politiku li għandu poteri kbar fil-qorti tagħna. Biss l-affarijiet li ġraw f’dan il-każ imorru lilhinn mill-affiljazzjonijiet politiċi għaliex waqt li ommu hija ma’ partit. l-avukati li jagħtu s-servizz lil dan il-missier huma tal-partit ieħor.
Għaliex qed nidħol f’dan id-dettall? Simpliċi. F’mument minnhom il-missier talab li jkun rikonoxxut bħala l-missier tat-tarbija. Saru t-testijiet tad-DNA u b’hekk seta’ jkun rikonoxxut. Biss ġara żball proċedurali min-naħa tal-avukat tal-omm u baqa’ jiġi pperpertwat minn avukat ieħor. L-avukat tal-omm ħa żball u ma daħħalx risposta fil-ħin u b’hekk l-omm ġiet f’dak li l-qorti ssejjaħ kontumaċi. Din hija kelma li ġejja mill-Latin u tintuża b’referenza għall-persuna li jkollha dritt li tidher quddiem imħallef jew maġistrat u ma tippreżentax ruħha fi proċess li jikkonċerna biex tgħid il-pożizzjoni tagħha.
B’hekk l-omm spiċċat sitwazzjoni fejn din it-tarbija ngħatat l-kunjom tal-missier u tilfet il-kunjom tal-omm. L-omm ma hix kontra li r-raġel idaħħal kunjomu ma’ l-isem it-tarbija biss għax sar żball proċedurali li mhux hija għamlitu, spiċċat f’sitwazzjoni li kull meta tagħmel xi rikors marbut mat-tarbija relatat ma’ dan il-każ, l-avukati tal-missier dejjem ifakkarha li hija kontumaċi jiġifieri hija rrifjutat li tippreżenta ruħha u b’hekk tilfet id-diritt tagħha f’dan il-każ. B’hekk dan it-tifel tagħha llum għandu kunjom missieru li abbandunah meta twieled, waqt li issa hija ma tistax tibqa’ tagħtih kunjomha wkoll għaliex l-avukati tal-missier qed joġġezzjonaw li jiddaħħal kunjom l-omm.
Din hija biss pika li kull ma tagħmel hija ħsara lit-tifel! Jiġifieri missier li l-anqas qed jagħti sold għall-manteniment spiċċa jagħti kunjom lit-tifel li fil-bidu ma riedx jirrikonoxxi. Verament kif jgħidu bl-Ingliż, the law is an ass. Dan mhux każ ta’ lex dura lex jew il-liġi u l-liġi hija ħarxa kif kienu jgħidu l-Latini. Dan hu każ ta’ proċedura.
Nemmen li għandu jkun hemm rimedju f’każijiet bħal dawn ta’ meta avukat ma jsewgix il-proċedura eżatt b’mod speċjali fejn jidħlu t-tfal għaliex meta jsiru żballji bħal dawn, dan iwassal għal tbatija mhux żgħira kontra l-omm. Huwa sew li żball ta’ avukat jibqa’ jbatih il-klijent meta l-klijent ma jista’ jagħmel xejn għaliex fil-qorti, l-avukati biss jistgħu jikkommunikaw mal-maġistrat jew l-imħallef u mhux il-klijenti?