Għaliex Chris Said u sħabu d-deputati m’huma jgħidu xejn dwar l-istupru ambjentali f’Għawdex?

Blog post minn Kunsillier Għawdxi

Niftakar meta l-kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista qal b’mod konvinċenti ħafna li ħadd minn dawk li għinuh jieħu postu bħala kap tal-partit ma kien ser ikun preferut fuq nies oħra. L-Ingliż jgħid ‘walk the talk’ jew wettaq dak li tgħid. Illum, għalina l-Għawdxin, din l-istqarrija ta’ Bernard Grech tidher bħala ħrafa. Aħna l-Għawdxin qed inħossuna mitluqin għal kollox mill-kelliema tagħna. Naf li Dr Grech ma jaħtix għaliex aħna tellajnihom. Biss nispera li l-kelliema u d-deputati tagħna Għawdxin jitkellmu aktar fuq il-problemi ambjentali f’Għawdex. Nispera li b’dawn l-eżempji li ser intik iwasslu biex tittieħed azzjoni immedjata jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jiġbor il-vot tal-maġġoranza ġewwa Għawdex. Illum Bernard Grech qed jagħraf li Għawdex ma għadux wara l-Partit Nazzjonalista.

Ħa nibda biex infakkrek fuq storja li seħħet xhur ilu. Is-Sindki Għawdxin iġġieldu u nnegozzjaw akkwist ta’ fondi biex ikunu jistgħu jiġġieldu kostruzzjoni abbużiva. L-erbatax-il sindku ġo Għawdex irnexxielhom jieħdu flus biex ikunu jistgħu jirreżistu kostruzzjonijiet kbar li qed jeqirdu l-gżira Għawdxija. Din il-proposta għamilha Paul Buttigieg, is-Sindku tal-Qala, u ġiet milquha mill-Kunsill Reġjonali Għawdxi. Xi ħadd sema lill-kelliem tagħna għal Għawdex ilissen kelma waħda biss fuq dawn il-fondi? Min jaf għaliex hux? Tgħid għandu konflitt ta’ interess?

Saret applikazzjoni għal blokk ta’ appartamenti, fuq ħames livelli, viċin ħafna tal-Ġgantija, tant li jħarsu fuq l-istess tempji. Dan il-proġett ser jkun qed isir fi Triq il-Parsott ix-Xagħra li tifforma parti miż-żona arkeoloġika mportanti ħafna madwar it-tempji tal-Ġgantija. Hemm residenti fil-viċin li oġġezzjonaw dan il-proġett. Anke l-arkeoloġi stqarru li din l-applikazzjoni hija ‘beyond shocking’ u kkritikaw bl-aħrax dawn il-pjani ta’ żvilupp ħdejn il-Ġgantija. Anke biss li saret it-talba hija xi ħaġa ta’ stmerrija u arroganza kbira qalu l-arkejoloġi. Smajtu lill-kelliem Għawdxi f’isem il-Partit Nazzjonalista jlissen kelma waħda fuq dan il-proġett. Għal darba oħra hemm xi konflitt ta’ interess?

Xi ħaġa oħra li laqtet lill-Għawdex f’dawn l-aħħar xhur hija l-għeluq tal-biċċerija. Dan kellu jsir minħabba t-tixrid tal-Covid-19. Smajna xi kritika jew xi kumment mill-kelliema għall-Għawdex. Wieħed minnhom, Dr Said kien hemm meta seħħet din l-istorja. Qatt Dr. Said tkellem dwar din il-problema li kienu qed jiffaċċjaw ir-raħħala Għawdxin?

Permessi għall-iżvilupp ġewwa Għawdex żdiedu b’240% mill-2013 sal-lum. Sirna nafu wkoll li l-proġetti barra miż-żoni ta’ żvilupp żdiedu drastikament. Dawn il-figuri ġew mogħtija fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari magħmula minn Joe Ellis. Fl-2020 ħarġu 1021 permess li minnhom kien hemm 223 f’ODZ. Għal kuntrarju fl-2013 kien hemm 420 permess li minnhom fl-ODZ kien hemm biss 64.

Naraw kif il-permessi fl-ODZ splodew. Imma għal darba oħra smajna xi ħaġa minn għand il-kelliema Għawdxin Nazzjonalisti, li suppost qed jitkellem fuq il-problemi Għawdxin, dwar dan l-iżvilupp kollu? Qed insemmi lil Chris Said għaliex hu l-persuna nnominat mill-Partit Nazzjonalista biex tieħu ħsieb Għawdex.

L-applikazzjoni għal 71 appartament fl-għelieqi f’tarf tan-Nadur, li kienet milqugħa bl-akbar numru ta’ oġġezzjonijiet madwar 1000, hija parti minn kollaborazzjoni aktar wiesgħa bejn kumpanija li tibni t-toroq u l-fondazzjoni medjevali li ilha u qiegħda tirreġistra biċċiet ta’ artijiet kbar ġewwa Għawdex. X’sar sew fuq din il-fundazzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista ħlief konferenza stampa li kienet kollha bżar fl-għajnejn?

Issa għandna t-twessih tat-triq li mir-Rabat tagħti għall-Marsaforn. L-Ghawdxin jafu li din it-triq mhux waħda problematika. Qatt ma tkun imblokkata mit-traffiku. Imma sar studju u sab li hemm diffikulta ta’ traffiku. Biss meta sar dan l-istudju? Dan sar fi żmien il-festi ta’ Santa Marija. Jiġifieri minħabba ġimgħa traffiku f’Għawdex marbuta mal-festa ta’ Santa Marija qed ikun iġġustifikat il-qerba ta’ art agrikola? Smajtu xi deputat Għawdxi Nazzjonalista jitkellem kontra? Tkellem fuq fuq Bernard Grech iżda kien diskors għall-gallarija. Minflok ikun attakkat il-pjan tal-gvern li jidher li ħa l-flus mill-Ewropa u mbagħad ma għandux pjani konkrett kif jonfoqhom, neħdu gost mill-qerdar tar-raba’ f’Għawdex.

Jista’ l-kelliema Għawdxin jilluminana aktar dwar dawn l-iżviluppi u oħrajn li qed isiru u jgħidilna x’qed jagħmlu fuqhom? Dawn l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp ġewwa Għawdex ser iwasslu għal stupru enormi fil-gżira Għawdxija. Imma possibbli li ħadd minnhom ma jinteressa ruħu f’xejn? Possibbli ma jiftħux ħalquhom fuq dawn l-affarijiet li huma għaddejjien bħalissa ġewwa Għawdex?

Mhux ta’ b’xejn li Għawdex tilef il-maġġoranza. Dan hu dak li ġara meta kien hemm min juża ħiltu u ħadem kemm felaħ biex titwarrab Giovanna Debono.

Leave a Reply