Laħaq Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista ma avanza xejn

Blog post minn osservatur politiku

F’artiklu fl-Independent on Sunday, il-ġurnalist Stephen Calleja, staqsa jekk in-Nazzjonalisti jiftakrux x’kien jiġri kull darba li jkun hemm survey dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta. Fakkar li kull darba, kien ikun hemm attakki kontra Adrian Delia fuq kull mezz soċjali jew ġurnalistiku. U dan ma kienx isir mill-avversarji politiċi, jiġifieri mill-Partit Laburista, imma l-attakki kienu jkunu minn ġewwa l-istess Partit tiegħu. Kienet ċara li dawn l-attakki kienu manuvrati minn sħabu d-deputati u nies viċin tagħhom. Kienu jagħmlu minn kollox biex ipoġġulu l-bsaten fir-roti. Dawn l-istess nies sa marru għand il-President ta’ Malta, nnominaw persuna oħra, li lllum tant avvelewha u ramewha, li ddeċidiet li twaqqaf l-avventura politika tagħha.

Imma x’qed jiġri llum? Il-Partit Nazzjonalista xorta għadu l-bogħod ħafna mill-Partit Laburista numerikament. U issa ma jistgħux iwaħħlu f’Adrian Delia. Joħroġ ċar li l-kolpa trid tieqaf ma’ dawk li ġarrbu telfiet kbar u li dawn, bla mistħija ta’ xejn, se jerġgħu jitolbu lill-elettorat jivvutalhom biex jerġgħu jitilgħu fil-Parlament. Fis-sitwazzjoni li qiegħdin, u għalkemm hemm persuna ġdida bħala Kap, jekk issir elezzjoni bħalissa l-Partit Nazzjonalista jieħu damdiema tajba. U dan qed jgħidu Marmara li kull partitarju Nazzjonalist dejjem emmen is-surveys tiegħu.

Mela x’inhu r-riżultat? Il-mossa minn Adrian Delia għal Bernard Grech ma ġabitx magħha dak li ħasbu r-ribelli, anzi jista’ jkun li marru agħar, bihom suppost magħqudin ma’ Bernard Grech. Ma tbiddel xejn. Mill-elezzjoni tal-2017 ‘l hawn kull survey wera, li l-Partit Laburista għadu jaqdef sewwa fin-numri. Ma għamlet differenza ta’ xejn jekk kienx hemm Muscat/Abela u Delia/Grech. Il-Partit Nazzjonalista xorta miexi b’pass ta’ nemla u xi kultant b’pass ta’ granċ meta mqabbel mal-Partit Laburista.

Imma d-differenza tal-lum komperata ma’ dik tal-bieraħ, fil-Partit Nazzjonalista, hija kbira. Issa ma hemm ebda deputat, ebda kandidat, ebda grupp, ebda ribelli, ebda soċjeta’ ċivili titlob metaforikament ras Delia fuq platt. Ħadd minn dawn l-irjus kbar ma hu qed jitlob lil Grech iwarrab jew li l-Partit għandu bżonn taqliba enormi. Mhux talli hekk, talli ma kien hemm ebda diskussjoni sura, fuq il-media soċjali.

Anzi kellek, fuq Net TV, lil Claudette Buttigieg, Joseph Grech u Ivan Bartoto (tas-6 pm) janalizzaw il-gazzetti fl-istess ġurnata li ħareġ is-survey u lanqas kumment wieħed fuq is-survey ta’ dik il-ġurnata. Imbagħad il-ħadd ta’ wara tfaċċa l-espert tal-elezzjonijiet u tefa’ t-tort fuq il-football. X’differenza minn meta kien hemm Adrian Delia! Dak iż-żmien kienu jinħarġu l-kanuni l-kbar, sparati minn membri tal-Parlament u uffiċjali tal-Partit.

Barra l-laqgħat privati minn wara dahar kulħadd biex jiftiehmu kif se itajruh. Il-bidla fl-attitiduni llum tidher b’mod sfaċċat u jista’ jaraha kulħadd. Jista’ jkun li dawn ndunaw li jagħmlu x’jagħmlu se jkun kollu għalxejn. Forsi qed jirrealizzaw li t-tort kollu jridu jġorruh huma. It-tneħħija ta’ Adrian Delia serviet biss biex kompliet tħaffer il-ħofra tal-Partit Nazzjonalista. Il-possibilita’ li jerbaħ il-Partit Nazzjonalista llum, qiegħda agħar minn meta kien hemm Busuttil u Delia bħala kapijiet. U dan allavolja l-Partit fil-Gvern qed jegħreq iżjed fil-ħmieġ kull ġurnata li tgħaddi.

Tajjeb li niftakru li dan is-survey tal-Ħadd li għadda sar jumejn qabel Malta ġiet ikkastigata mill-FATF u ġiet imniżżla bil-kulur griż, li suppost indika diżastru għall-Gvern tal-ġurnata. B’dana kollu l-maġġoranza qawwija taċ-ċittadin Malti tħoss li l-Partit Laburista jistħoqqlu jibqa’ jmepxxi. Il-maġġoranza taċ-ċittadini qed jgħidu li huma għadhom ma jistgħux jafdaw lill-Partit Nazzjonalista. Imma għalkemm hemm dan id-diżastru numeriku għall-Partit Nazzjonalista, xorta ħadd ma hu qed jipponta subajh lejn Bernard Grech.

Meta jkollok Partit fil-Gvern li qed jaqla’ kritika u daqqiet koroh, minn diversi istutizzjonijiet internazzjonali u attakki mis-soċjeta’ ekonomika Maltija u Għawdxija u jibqa’ jirrenja, dan huwa riflessjoni li l-Partit fl-Oppożizzjoni huwa ineżistenti. Il-Partit Nazzjonalista tant marad li qed juri li ma għandux saħħa jiggranfa ma’ xi tibna biex jibda’ tiela’ mill-ħofra li nieżel fiha. Ir-riżultati tal-aħħar għaxar snin mardu lill-Partit Nazzjonalista, l-attakki interni fuq Adrian Delia tefgħu lill-partit f’qiegħ ta’ sodda u Bernard Grech għadu ma sab ebda mediċina biex forsi iqajjem lill-artit bil-wieqfa u jibda jaħdem u forsi jagħti pass.

La d-dinosawri tal-klikka u sħabhom ma jridux jifhmu li t-tluq u l-abbandun tagħhom mill-partit jista’ jkun l-uniku soluzzjoni, la bihom l-Oppożizzjoni ma tistax tieħu ruħ, la jaħsbu li għandhom dritt divin li jibqgħu hemm u li ħadd ma jista’ għalihom, la fil-ġimgħa meta Malta ġiet greylisted bil-konsegwenzi kollha li se ġġib magħha u xorta l-Partit Nazzjonalista ma akkwista xejn, allura ma nafx x’miraklu jista’ jkun biex forsi l-Partit Nazzjonalista jibda javanza xi ftit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *