L-istorja wara l-ineġibilita’ ta’ Piccinino għall-elezzjoni tal-esekuttiv
Blog post minn osservatur politiku
Għadni kif qrajt l-artiklu li tella’ l-bieraħ, Dr Mercieca, b’referenza għall-eliġibilita’ jew le ta’ Michael Richard Piccinino għall-elezzjoni tal-esekuttiv. Ta’ min jgħid li Dr Piccinino ilu jagħti servizz lill-Partit Nazzjonalista minn ġimgħat qabel ma kien hemm l-elezzjoni tal-kap, jiġifieri dik bejn Bernard Grech u Adrian Delia. Mid-dehra l-ewwel dmirijiet li qiegħda meta daħal kienu mall-Kummissjoni Elettorali interna tal-Partit Nazzjonalsita.
Jiġifieri għalkemm kien f’uffiċju viċin ħafna tas-Segretarju Ġenerali, hu kien qed jagħti s-servizz tiegħu biex tiġi organizzata din l-elezzjoni partikulari ta’ kap ġdid u l-impenn qawwi li ġabet magħha. Fid-19 ta’ Novembru, Dr Piccinino kiseb il-ħatra mill-esekuttiv tal-partit bħala Segretarju Esekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt dan ix-xogħol jirrikjedi xogħol mal-fergħat, kumitati sezzjonali u affarijiet oħra. Fid-19 ta’ Frar, Michael infurmana li hu kien żar ammont kbir ta’ kumitati sezzjonali fl-ewwel laqgħat tagħhom wara li ġew konfermati jew iffurmati. Dan juri li l-impenn li tirrikjedi din il-pożizzjoni li fiha tpoġġa Piccinino, li hija ta’ xogħol kontinwu matul il-ġurnata u żgur li ma tistax issir fuq bażi ta’ volontarjat.
Fit-2 ta’ Lulju Michael Piccinino fuq il-Facebook page tiegħu ddikjara li ssottometta n-nomina tiegħu għall-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt illum irriżulta li huwa wieħed mid-disa’ kandidati li offrew is-servizz tagħhom fl-esekuttiv, minn fejn iridu jitilgħu sitta.
L-argument fl-artiklu tiegħek Dr Mercieca huwa biżżejjed, jekk jirriżulta veritier, li dan l-avukat ma jistax lanqas jitfa’ n-nomina tiegħu bħala kandidat għall-esekuttiv. Imma possibli li ma kienx jaf jew aħjar ma kienx hemm min jgħidlu li hu ineligibbli? Kif għidt tajjeb int, kull min jaħdem mal-Partit jew xi fergħa minn tiegħu, ma jkunx eliġibbli biex jikkandida ruħu. Dan huwa parti li jirriżulta mit-tibdil li sar minn Dr Louis Galea fl-aħħar statut li ħadem fuqu.
Is-Sibt 10 ta’ Lulju, fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali ġewwa Għawdex, smajna lil Francis Zammit Dimech, Segretarju Ġenerali kurrenti, jiddikjara li hu se jieqaf dalwaqt mix-xogħol tiegħu fil-partit bħala Segretarju Ġenerali. Hu żamm pass lura milli jsemmi lil min jixtieq minn floku, imma qal li meta jkun il-waqt se jinnominah.
Biex infakkar, anke Zammit Dimech huwa kandidat tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Mela bejniethom dawn it-tnejn se jimlew żewġ siġġijiet mis-sitta li hemm offruti. Lili din ma ddejjaqni xejn, imma nista’ nimmaġina li dawk il-kandidati li ħerġin għal din l-elezzjoni qed jaraw l-affarijiet minn lenti oħra.
Saħansitra, l-istess Dr Michael Piċċinino tella’ post, li issa neħħieh, fejn kien qed jgħid li hu se jitfa’ ismu għal Segretarju Ġenerali, biex jikkonferma dak li qal Dr Zammit Dimech fl-aħħar diskors tiegħu. Għalija dan kien post barra minn loku għaliex spiċċa poġġa l-karru qabel il-ħmara. Ma tistax tgħid li se toħroġ għal Segretarju Ġenerali jekk ma tkunx għadek lanqas tlajt fl-esekuttiv, meta l-post ta’ Segretarju Ġenerali jrid bilfors jintela’ b’xi ħadd fl-esekuttiv.
U min tah garanzija lil Dr Pullicino li se jitla’ fl-esekuttiv? U min tah garanzija li ma hu se jkun hemm ħadd li jinteressa ruħu għal dan il-post ta’ Segretarju Ġenerali? Bħal ma kien ħażin dak ir-ritratt li ttieħed tal-laqgħa tiegħu ma’ Bernard Grech u Francis Zammit Dimech fl-uffiċju tal-kap. B’dan ir-ritratt, il-kap qed juri li hu qed jimbotta persuna jew persuni kontra oħrajn għal dawn l-elezzjonijiet tal-esekuttiv. Dawn l-affarijiet ħsara jagħmlu u mhux ġdid.
Imbagħad meta fil-partit ngħidu li kollox hu, jiġifieri Dr Bernard Grech, dan jieħu għalih. Għal ħafna, dan kien ritratt ċar lill-kunsilliera biex jivvutaw lil Michael Piccinino u lil Francis Zammit Dimech, li tnejn huma kandidati għal dawn l-elezzjonijiet tal-esekuttiv. Il-Partit Nazzjonalista jew aħjar l-amministrazzjoni tiegħu jridu jieqfu jaħsbu li l-kunsilliera huma partita tiġieġ bla moħħ. Minflok isolvu l-problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista, bl-għemejjel tagħhom aktar qed joħolqulu nkwiet lill-istess partit. Kull darba jispiċċaw iridu jsibu xi skappatojja biex isolvu l-problemi li huma stess ikunu ħolqu.
