Veru li kieku rebaħ Adrian Delia, il-klikka kienet ser twaqqaf partit ġdid?

Blog post min kunsillier Nazzjonalista

Il-Malti għandu ħabta li meta jrid ifisser li kollox l-istess jew tal-istess kalibru isejjaħ dawn qegħdin f’keffa waħda. U bħalissa, diżgrazzjatament għall-pajjiżna nistgħu ngħidu li l-amministrazzjoni jew il-klikka li ħatfet lill-Partit Nazzjonalista hija f’keffa waħda u ser ngħid għaliex.

Kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jittieħed bis-serjeta’ meta l-kap tiegħu huwa ovvju u ċar kristal, kif ammetta hu stess, li għamel żbalji fl-imgħoddi fejn evada it-taxxa dovuta. Mela qed jammetti hu stess li għamel żball, pero’ fl-istess ħin endorsja lil Jason Azzopardi li għamel bħalu, jekk mhux agħar minnu. Dawn huma nies li tant jaħsbu li huma superjuri għal ħaddiehor li ma jikkalkolawx l-iżbalji li jagħmlu huma rispetittivament. Qiesu dak li jagħmlu huma mhux problema għax jgħaddi kollox imma xagħra f’għajn ħaddieħor jarawha travu daqsiex.

Qed nipprova nsib xi ħaġa li tiġġustifika l-bidla sfurzata tal-kap tal-Partit Nazzjonalista, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nirrealizza kemm din kienet konġura ffabbrikata. Dr Bernard Grech illum għandu lil Jeremy Gingell bħala persuna ferm qrib tiegħu. Jista’ jikkonferma li dan l-istess persuna kien diġa’ approvat sabiex ikun kandidat għall-elezzjoni li ġejja? Pero’ tajjeb li tkunu tafu li jien mhux għall-Partit Nazzjonalista qed nirreferi. Għaliex biex kulħadd ikun jaf, li kieku Adrian Delia rebaħ il-kuntest kontra Bernard Grech, diġa’ kien hemm pjan li jinħoloq partit ġdid.

Huwa ovvju wkoll li dan kollu kien konxju minnu Dr Bernard Grech, li jfisser li Dr Grech għandu konnessjonijiet profondi ma’ dawk li kienu lesti jieħdu dan il-pass. U hawn qed nuża l-ispazju tal-blog tiegħek Dr. Simon Mercieca sabiex tistaqsi lil din il-persuna uffiċjalment jekk dan li qed nikteb hawn huwiex il-verita’? Nistennew u naraw it-tweġiba tiegħu u nimxu minn hemm.

Tajjeb li kulħadd ikun jaf ukoll li lil Dr Michael Piccinino introduċieh fil-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia. Dan daħħlu sabiex jgħin lil Francis Zammit Dimech fl-uffiċju tiegħu. Mhux ser nidħol fl-istorja li l-grazzi ta’ dan kollu u talli Dr. Delia għażlu biex ikun jista’ jaħdem fil-Partit Nazzjonalista kien li mar ma’ Dr Bernard Grech. L-anqas ma se ħa nidħol fil-mertu tal-fatt jekk din il-persuna hix denja jew kapaċi li tkun is-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Biss kont nistenna li min kien wara l-kandidatura ta’ Piccinino kellu jkun jaf li dan ma jistax joħroġ għall-elezzjoni tal-esekuttiv għax ma jikkwalifikax. Fejn kienet il-kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-każ? Daqshekk spiċċa jaqa’ għar-redikolu l-Partit Nazzjonalista. Nitħassru dan it-tifel – għaliex tifel għadu – and he means no harm – biss tar-Repubblika u sħabhom ser jaħarqulu l-karriera politika tiegħu qabel iż-żmien!  

Biex jgħaqqad kollox bizzilla, Michael Fenech Adami reġa’ darlu sew, u minn persuna li kien jagħmel minn kollox sabiex jostakula u jfixkel lill Dr Adrian Delia, bl-id moħbija ta’ ħuh Beppe, issa reġa’ ra id-dawl u l-partit sar iħobbu b’imħabba bla qies. Dan huwa l-istess persuna li kull xahar kien jorganizza viġli, li kienu jirrifjutaw li fiha jattendi Dr Delia bħala kap, bħal ma kien jorganizza kull attivita’ ta’ Repubblika. U hawn nistaqsi, din hija l-bidla li ried jagħmel Dr Bernard Grech? Jew qed jiġi mġiegħel jaċċetta dak kollu li jgħidulu u jekk joġġezzjona jtajrulu rasu wkoll? Kif qatt jista jkun li l-Partit Nazzjonalista jaqbad it-triq tar-riabilitazzjoni meta tara quddiem għajnejk dawn il-manuvri kollha? Kif tista’ taħseb li dawn il-manuvri l-anqas qed isiru fir-rispett tal-istatuti tal-Partit Nazzjonalista? Kont naħseb li dawn l-affarijiet jistgħu jiġru biss waqt xi blockbuster!

Ibqgħu sejrin hekk u żommu dak l-għamad ma’ għajnejkom. Kif tneħħuh tindunaw li n-nies ikunu kkundannawkom għall-ħames snin oħra fl-oppożizzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *