Is-skont is-survey tal-bieraħ, distakk bejn il-partiti jitla’ għal 46,000

Il-bieraħ, il-Ħadd 11 ta’ Lulju, il-Malta Today tatna riżultat ta’ survey ieħor li sar fil-ġimgħa ta’ bejn l-aħħar ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju. Importanti li ngħidu mill-ewwel li dan is-survey sar fil-ġimgħa ta’ wara li Malta ġiet imdaħħla fil-lista l-griża tal-FATF. Is-survey juri li din id-deċizzjoni tal-FATF ma ħallietx wisq effett fuq il-Partit Laburista għalkemm naqqas ftit. Żgur li ma ħallietx effett fuq il-mexxej tal-partit li kompla jkabbar l-appoġġ, li jagħti possibilita’ tajba li hemm lok għal aktar tkabbir fil-Partit Laburista. Sa hawn naqbel mal-analizi li saret mill-Malta Today.

Fuq in-naħa l-oħra, għakemm Bernard Grech żied l-appoġġ tiegħu, xorta jibqa’ bħala kap li qed ibati mill-appoġġ popolari u l-appoġġ lejh għadu ma’ telgħax għal dak li kien f’April li għadda.

Ħa nidħlu fi ftit dettal fil-perċentwali mogħtija lilna mill-Malta Today. U hawn fejn ma naqbilx mal-Malta Today. Il-mod kif ħadmu hu matematikament korrett, imma kif għidt f’artiklu bl-Ingliż, il-formola li qed jużaw hija waħda biex tnaqqas l-impatt disastruż ta’ dawn is-surveys qed ikollhom fuq il-mexxej tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Il-veru distakk mhux ta’ 39,000 vot bejn iż-żewġ partiti imma ta’ 46,000 vot. Mela skont dan is-survey, id-diskatt huwa daqs dak li ħareġ mis-survey ta’ Vincent Marmara.

Kif wasalt għal dan ir-riżultat? F’dan is-survey ta’ Lulju jirriżulta li l-Partit Laburista jħaddan 45%, il-Partit Nazzjonalista 32%, oħrajn 1% u dawk li ma jafux jew li għadhom ma ddeċidewx 22%. Mela dawk li rrispondew kienu 78% u 22% ma tawx opinjoni.

F’diversi surveys, inkluż dak ta’ Dr Marmara, dak li ma tawhx l-oppinjoni jittieħdu nkonsiderazzjoni fil-kalkolu li jsir għaliex finalment dawn ser imorru jivvutaw. Min-naħa tagħhom, meta l-Malta Today jagħmlu s-surveys tagħhom, dan il-perċentwali ta’ dawk li ma jagħtux opinjoni tagħhom ma jittieħdux fil-kalkolu li jagħmlu.

Issa jekk f’dan is-survey dan il-perċentwal ta’ dawk li ma tawx opinjoni, li kien ta’ 22% jittieħed inkonsiderazzjoni, dan ikun ifisser li dan il-perċentwal irid jinqasam mal-partiti rispettivi skond il-perċentwali li jkunu rċevew minn għand dawk li stqarrew il-preferenza tagħhom.

Jekk jiġri hekk allura d-distakk se jagħmel differenza u jikber. It-22% li ma tawx il-prefenza tagħhom huma kkalkulati għall-66,000 vot. Biex inkun aktar viċin ir-realta’ ta’ pajjiżna, se nieħu li qishom irrispondew 95% li jsarrfu allura 62,000 vot. Jekk minn dawn tieħu 32% tagħhom, il-perċentwali dikjarat favur il-Partit Nazzjonalista jilħaq 20,000 vot aktar. Jekk tagħmel l-istess lill-Partit Laburista, jiġifieri tikkalkula 44%, dawn jagħmlu 27,000. B’dawn il-ftit kalkoli allura jkollna sitwazzjoni differenti għaliex id-distakk bejn il-partiti l-kbar jikber mal-madwar 46,000 vot.

Huwa diffiċli tifhem għaliex il-Malta Today ma tagħtix din l-istampa wkoll fl-analiżi tagħha. Biss nirrispetta l-mod ta’ kif jagħmlu l-kalkolu. Biss jekk wieħed irid iqabblu ma’ ta’ Vincent Marmara, irid jieħu dan il-fatt inkonsiderazzjoni.

Jien ninterpreta l-mod ta’ kif qed jaħdmu l-kalkolu bħala wieħed maħsub biex ma jurux il-gravita vera li qiegħed fiha l-Partit Nazzjonalista. Għalija ċertu media bl-Ingliż qed taqbeż b’kull mod għal Bernard Grech. Ma kienetx tagħmel l-istess ma’ Adrian Delia.

Il-figuri mogħtija ma humiex qarrieqa, anżi huma kollha korretti. Imma sfortunatament il-Malta Today fi-survey tagħha waqfet hemm. Setgħet tat spjega aktar dettaljata imma għar-raġunijiet li nista’ nimmaġinhom imma ma tistax tikkonfermhom żammet il-kalkolu l-inqas pessimista. F’kliem ieħor, b’din l-interpretazzjoni qed tnaqqas il-gravita’ li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.

Il-Maltin u l-Għawdxin kollha jafu li meta tasal il-ġurnata, il-poplu jirrispondi għall-għajta tal-partiti diversi biex imorru jħożżu n-numri fuq il-karta tal-vot. Biss dawn is-surveys, b’mod partikolari dak ta’ Marmara wera sa issa li huwa l-aktar wieħed fattwali. B’hekk, jekk wieħed jimxi mal-mod kif jaħdem hu, dan is-survey tal-bieraħ qiegħed fuq l-istess livell ta’ Marmara jekk mhux ukoll li d-distakk kompla tiela’ ftit bejn il-partiti minn meta Marmara għamel is-survey tiegħu għal meta sar is-survey tal-Malta Today.

Leave a Reply

Your email address will not be published.