Fuq dan il-punt dwar il-vaċċin, il-Partit Nazzjonalista għandu raġun.

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ id-deċizzjoni tal-gvern, li hawn Malta jidħol biss min ikun imlaqqam, bħala ‘estrema’ u ‘diskriminatorja’. Fuq din naqbel mal-Partit Nazzjonalista.

Fil-kritika tiegħu l-istess Partit Nazzjonalista qal lill-Gvern li qed jippanikkja u qed jiddiskrimina kontra it-tfal, in-nisa tqal, in-nies vulnerabbli u dawk in-nies fejn pajjiżhom qegħdin lura fit-tilqim. Anki hawn għandu raġun. Jien kont inżid li dawn il-miżuri wasslu biex Maltin li mhux imlaqma u kienu barra, kien ser ikollhom jagħmlu kwarantina anki jekk il-PCR test kien juri li huma mhux pożittivi.

Infatti lili kitbuli Maltin li kienu qegħdin fuq vaganza barra u ma ħadux it-titqiba u kienu nkwetati li meta kienu ser jiġu lura Malta, kien ser ikollhom jagħmlu kwarantina. Hawn fejn tinsab il-qawwa tal-gvern. Jagħmel miżura ħażina u kapaċi jibdilha kif ġara f’dan il-każ u b’hekk l-effett ħażin tagħha ma jinqabadx mill-pubbliku. Infatti issa dawn il-Maltin mhux ser jintalbu jagħmlu kwarantina. U hawn fejn l-Oppożizzjoni qed tbati li tikxef dawn in-nuqqasijiet min-naħa tal-gvern.

Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li din iż-żieda fin-numri ta’ dawn l-aħħar jiem kienet prevedibbli, imma l-Gvern ma ħax il-prekawżjonijiet neċessarji. Dan hu l-argument politiku li kont nevitah. Infakkar li fil-Ħamrun saru demostrazzjonijiet kbar meta ntrebaħ il-kampjunat u ma kienx hemm każ wieħed ta’ Covid19!

Dak li għandha huwa nuqqas ta’ loġista u direzzjoni professjonali f’dan il-qasam. Forsi hawn fejn jidħol is-survey li sar mill-Malta Today dwar kif jaħsbuha n-nies dwar il-miżuri marbuta ma min ġej minn barra. Għal ħafna, tidher li hemm nuqqas ta’ loġistika li qiegħda titħaddem fl-ajruport. Il-poplu Malti u Għawdxi donnu kollu qed jaqbel li din għandha tiġi rranġatha kemm jista’ jkun malajr.

Ma jistax ikun li mijiet ta’ turisti li jaslu minn barra, jagħmlu ħin twil sa x’ħin tiġi pproċessata d-dokumentazzjoni li jkunu ġabu magħhom. Din hija xi ħaġa li l-Gvern għandu jaħdem fuqha mingħajr telf ta’ żmien, għax kull ma qed isir bħalissa huwa possibilita’ qawwija li jinxtered il-mard minħabba id-dewmien.

Il-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi wkoll li għalkemm kull min jiġi Malta u jkun totalment imlaqqam, xorta jrid jkollu x’juri li għamel il-PCR test sa 72 siegħa qabel telaq. Qed jipproponi wkoll li min iżur Malta u ma jkunx vaċċinat irid jagħmel it-test qabel jitlaq u jerġa’ jagħmel test ieħor meta jasal hawn Malta. Din tista’ toħloq inkwiet loġistiku.

Min jasal hawn Malta u jrid ikun jagħmel test ieħor Malta, fejn se joqgħod sa x’ħin joħroġ ir-riżultat, jekk ma jkunx test rapidu u għalhekk wkoll irid jinħoloq spażju fl-ajruport sa x’ħin joħroġ ir-riżultat? Fuq kollox, miżura simili wasslet biex kien hemm kanċellazzjoni ta’ booking lejn Malta.

Il-Gvern sema’ mit-talba tal-maġġoranza qawwija tan-nies u għalhekk qal f’konferenza stampa li min-nhar l-Erbgħa 14 ta’ Lulju, kull min jiġi f’pajjiżna jrid juri ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni rikonoxxut. Nistaqsi din mhix miżura populista?

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li d-deċiżżjoni li jingħalqu l-iskejjel tal-Ingliż ittieħdet bl-għaġla. Anki hawn għandu raġun. Il-Partit Nazzjonalista kompla jargumenta li dawn l-iskejjel għandhom jitħallew ikomplu jaħdmu, imma l-istudenti tagħhom iridu jkunu vaċċinati. Skużi, bil-vaċċinazzjoni u mingħajrha mhux ser insolvu problemi, fis-sens li hemm ħafna politika wara l-vaċċinazzjoni. Insejna li Malta mhux qed taċċetta l-vaċċinazzjoni tal-AstraZenica prodotta fl-India?

Infatti l-messaġġ hu ċar. Ser jitħallew jidħlu biss f’Malta turisti li ħadu t-titqiba rikonoxxuta. Jiġifieri jekk turist ħa titqiba li hija tajba imma mhux rikonoxxuta mhux ser jitħalla jidħol xorta waħda. Naħseb li hawn għandna logħba aktar politika milli medika jew xjentifika.

Kull fejn taqta’ joħroġ id-demm u deċiżżjoni bħal din, dak li tagħmel. Biss din hija l-Achilles’ heel ta’ dan il-Gvern. Jekk il-partit Nazzjonalista mhux ser jattakka l-għarqub, mhux ser javvanza.

Huwa mpossibbli tikkuntenta lil kulħadd. Id-deċizzjoni trid tittieħed. Biss il-Partit Nazzjonalista jrid jitgħallem imexxi l-opinjoni pubblika u mhux jitmexxa minnha. Fuq kollox, wara din il-pandemija għandna aktar politika milli xjenza. Fil-każ tal-pandemija, din titlob kuraġġ u strateġija għaliex l-opinjoni qed titmexxa minn strateġija medjatika li warajha hemm miljuni ta’ euro.

Leave a Reply