Jiftaħ il-Kunsill Ġenerali tal-PN f’Għawdex u Bernard Grech ma tkellimx dwar il-problemi reali tal-Għawdxin

‘Blog post minn osservatur politiku

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fetaħ f’Għawdex. Ittamajt li ser jiġu diskussi żewġ suġġetti li huma ta’ importanza kbira għal-Għawdxin. Wieħed huwa suġġett li għandu x’jaqsam mal-partit u Għawdex. L-ieħor jittratta l-Għawdex innifsu.

Ħalli nibdew mill-Partit Nazzjonalista. Tgħid għala Bernard Grech ma staqsiex il-bieraħ lill-Għawdxin għaliex ma kienx hemm interess minn fost il-kunsilliera biex iressqu isimhom bħala rappreżentanti Għawdxin fl-eżekuttiv. Għala ma staqsiex għaliex l-Għawdxin, renomati għall-imħabba lejn il-partit, kull ma sabu tnejn minn nies li tefgħu isimhom biex ikunu fuq l-esekuttiv? Se jipprova jifhem Dr Grech x’ġaralu l-elettorat Għawdxi biex fil-maġġoranza tiegħu dar kontra l-Partit Nazzjonalista u għall-kuntrarju ta’ ftit snin ilu, qaleb il-kulur tiegħu lejn l-aħmar tal-Partit Laburista? Se jipprova jifhem x’qed jiġri fil-qlub tal-Għawdxin?

It-tieni suġġett li nispera li ‘l quddiem jitkellem aktar fuqu Dr Grech u forsi wkoll, iniggeż lit-tliet deputati Għawdxin biex forsi jqumu mir-raqda u jibdew jikkritikaw huwa l-ambjent. Waqt li wieħed irid jgħid li semma’ t-twessiegħ ta’ triq diġa eżistenti u twesset anki kienet kienet toħloq problemi ta’ traffiku darba f’mitt qamar. Ma nistax nifhem kif l-Għawdxin, li tant jgħożżu l-art agrikola u li għadha tinħadem, se jħallu dan is-serq ta’ din il-kwalita’ ta’ art. Barra minn hekk, xi ħadd Għawdxi jipprova ifehmni kif se jħallu dak it-tqaċċit kollu ta’ siġar? Naf li kien hemm NGOs Għawdxin li ma qablux ma dan it-twessiegħ, biss fejn kien il-Partit Nazzjonalista? Il-Partit Nazzjonalista jrid imexxi l-agenda ambjentali f’Għawdex u mhux jitmexxa.

Possibbli l-identita’ Għawdxija qed titħalla tinbidel u ftit joffru reżistenza għal dak li qed jipprova jagħmel dan il-gvern, li se jibqa’ magħruf fl-istorja għan-numru essaġerat ta’ qerda ta’ siġar?

Imma l-akbar inkwiet tiegħi huwa fejn kienu r-rappreżentanti Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista u x’sehem taw biex jippruvaw jevitaw din l-istraġi? Qed insemmu żewġ suġġetti fejn it-tliet rappreżentanti Għawdxin fil-Parlament ma għamlu ebda sforż biex ikunu ta’ għajnuna lill-Partit Nazzjonalista u lill-gżira Għawdxija. Hija xi ħaġa soprendenti kif dawn it-tlieta min-nies ma smajthomx jitkellmu b’mod voċiferu u jagħtu sehemhom f’dawn iż-żewġ problemi.

Nistaqsi kemm fittxew Għawdxin biex jersqu u jagħtu palata lill-Partit Nazzjonalista fil-laqgħat tal-esekuttiv? Nistgħu naslu għall-konklużjoni li lanqas biss interesshom jippruvaw jikkonvinċu Nazzjonalisti biex ikunu ta’ servizz lill-partit tagħhom stess.

Fuq in-naħa l-oħra, meta taqra l-Malta Today, tkun taf li kien hemm ftit Għawdxin li protestaw kontra il-proġett tat-triq li mir-Rabat tagħti għal Marsalforn, imma ebda wieħed mit-tliet rappreżentanti Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista ma fetħu ħalqhom matul id-diskussjoni u qabel ittieħdet id-deċiżżjoni. Sinjali bħal dawn ma humiex ta’ kuraġġ għal ebda Nazzjonalist Għawdxi.

Bil-fors jidħlulek ċerti dubji fuq il-ġenwinita’ ta’ dawn ir-rappreżentanti. Possibbli tilfu daqshekk l-interess jew kuntenti biss għax ipoġġu fuq il-pultruna ħadra tal-Parlament? Jafu dawn li l-elezzjoni wara l-bieb u l-elettorat se jiftakar f’dawn ix-xeneġġjati jew in-nuqqas tagħhom? L-elettorat Għawdxi huwa kwiet imma ħassieb. Jaf janalizza u jasal għall-konklużjonijiet. Jaf iħares fit-tul u huwa konxju minn x’interessi li jista’ jkollu xi rappreżentant minn tagħhom, la ma jieħu ebda azzjoni favur l-Għawdxi. Il-konklużjoni hija ċara u l-Għawdxi jaf jaslu għaliha. Kull elettur se jirrifletti fuq dan l-atteġġjament, jagħmel il-ġudizzju tiegħu u jieħu d-deċiżżjoni fis-siegħa tal-prova.

One comment

Leave a Reply