Where your opinion counts

Il-PBS u l-futbol jaħtu għas-surveys disastrużi fil-konfront ta’ Bernard Grech

Il-ġimgħa l-oħra kkritikajt il-fatt li fl-analiżi tal-gazzetti li jsir kull nhar ta’ Ħadd fuq NET TV ma ħax inkonsiderazzjoni s-survey xjentifiku li għamel Vincent Marmara u li kien ġie ppubblikat fit-Torca. Forsi r-raġuni kienet li dan ħareġ minn gazzetta li hija qrib u biċċa waħda mal-Partit Laburista.

Illum il-Ħadd kellna survey ieħor. Din id-darba mill-Malta Today. Din id-darba NET TV għamel analiżi ta’ dan is-survey. Ġab lil Herman Schiavone jikkummenta. ir-raġuni li ta Schiavone għal dan ir-riżultat kienet li Bernard Grech sejjer ħażin għaliex kien hemm il-futbol u għaliex mhux qed jingħata coverage kif suppost mill-PBS u allura l-messaġġ tal-kap tal-Partit Nazzjonalista mhux qed jasal. Imbagħad, kompla jgħid li d-diskorsi ta’ Robert Abela jiġu mżejna b’ħafna xenxilli meta jkunu irrappurtati.

Li l-PBS ma jagħtix coverage kif suppost lill-Oppożizzjoni hija minnha u wieħed jistennieha. Imma li dan in-nuqqas ta’ coverage ser jaffettaw survey ma għandix u l-anqas tista’ tingħad.

Jien niftakar it-tmenijiet. Dak iż-żmien ma kienx hemm il-PBS imma Xandir Malta. Niftakar ċar kemm ix-Xandir Malta kien ‘biased’ kontra l-Partit Nazzjonalista. Il-meetings tal-Labour kien jagħtihom sħaħ fuq it-television u dawk tal-Partit Nazzjonalista kienu jiġu ċċensurati. Kien hemm żbilanċ ċar fix-Xandir. Dan mhux dgħajjef lill-Partit Nazzjonalista imma saħħu. F’dik il-ħabta, l-anqas kien hemm media soċjali jew xandir mill-partiti. Kien hemm biss Xandir Malta. Biss xorta waħda l-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-voti fl-1981 u rebaħ l-elezzjoni tal-1987.

Illum hemm il-media soċjali li hija pjuttost libera. Il-Partit Nazzjonalista għandu x-xandir televiziv tiegħu u għandu anki r-radju u xorta ma javvanzax.

Herman Schiavone hu ħabib kbir tiegħi. Biss meta kien ikun hemm dawn ir-riżultati ħżiena fi żmien Adrian Delia qatt ma qal li dawn kienu minħabba l-mod kif il-PBS kien qed jirrapporta dwar l-kap tal-Partit Nazzjonalista. Anzi kien jibgħat l-emails lid-deputati sħabu biex isiru laqgħat b’urgenza tal-grupp parlamentari ħalli jkunu diskussi dawn is-surveys ħżiena li kienu ħerġin kontra Adrian Delia.

Illum Adrian Delia ma għadux il-kap. Illum Adrian Delia ma għadux fuq quddiem u s-sitwazzjoni mhux talli ma marritx ‘il quddiem talli sejra lura u jidher li l-Prim Ministru ser jirkeb fuqha għaliex jekk itawwal ftit u ma jgħajjatx elezzjoni kif kien maħsub li ser jagħmel, iċ-ċans huwa li jkompli jżid il-voti u mhux inaqqas.

Din hija s-sitwazzjoni gravi li grupp ta’ deputati ġabu fiha l-Partit Nazzjonalista. Dak li qed jagħmlu dawn is-surveys huwa li qed jtellgħu ż-żejt f’wiċċ ilma.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jinsulenta l-intelliġenza tan-nies.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *