Il-block vote għall-elezzjoni tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Anki jekk il-media mhix qed titkellem, l-elezzjoni tal-esekuttiv huma kkaratterizzati minn block vote. Mela fuq naħa għandna lil Bernard Grech li qed jgħid fid-diskorsi tiegħu li kulħadd milqugħ fil-Partit Nazzjonalista u min-naħa l-oħra, għandha wieħed mill-kapurjuni tiegħu li qed jorganizza l-block vote għall-elezzjoni tal-esekuttiv biex jitilgħu fl-esekuttiv dawk li jagħżlu n-nies ta’ Bernard Grech.

Kif kelli ċans nikteb, din id-darba ħarġu ftit kandidati minn fost il-kunsilliera biex ikunu eletti fuq l-esekuttiv. Biss xorta waħda ser ikun użat il-block vote kontra dawk il-persuni li ma ġewx magħżul mill-klikka li hemm wara Bernard Grech. In-nies ta’ Bernard Grech qed jaħdmu fuq dan il-block vote biex jassiguraw li jitilgħu l-kandidati tagħhom biss. Wieħed mid-diretturi li ġew appuntati minn Bernard Grech qed jieħu ħsieb dan il-block vote.

Dan aktar qed iġib tħassib fil-Partit Nazzjonalista u juri kemm hu fieragħ id-diskorsi li jagħmel Bernard Grech. Il-persuna li qed tieħu ħsieb dan il-block vote huwa wieħed mill-kapurjuni li daħħlu mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wara li leħaq Bernard Grech bħala kap u ngħata salarju fenominali li sal-lum qed jinżamm moħbi minn kulħadd u jafu kemm verament qed jaqla’ ftit nies fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Biss dan il-block vote aktar ħsara milli ġid qed jagħmel lill-istess Partit Nazzjonalista. Infatti, din hija waħda mir-raġunijiet għala ma ħarġux ħafna nies għall-esekuttiv. Ħafna kunsilliera tgerrxu minħabba l-esitenza ta’ dan il-block vote. Ħafna argumentaw li jkun inutli li joħorġu għall-esekuttiv meta jafu li ġa hemm dawk magħżula u ser ikunu mbuttati biex jitilgħu fuq dan l-organu tal-Partit Nazzjonalista.

One thought on “Il-block vote għall-elezzjoni tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Leave a Reply

Your email address will not be published.