Għaliex ħadd ma għadu ppubblika ċ-chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar?

L-avukata Anna Mallia tellgħet dan il-post fuq il-Facebook page tagħha:

Dan hu diskors ċar li sar b’referenza għall-fatt li hemm chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar dwar il-bejgħ ta’ propjeta’ ġewwa l-Imdina. Rosianne Cutajar għaddiet dawn iċ-chats lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler u dan iddeċida li jkunu anness mar-report tiegħu, imma ma jkunux aċċessibbli biex jinqraw. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Għaliex?

Infakkar li hawn għandha każ ta’ xiri ta’ propjeta mingħand persuna Ċiniża. Daħal f’dan il-bejgħ ċertu Joe Camillier u l-kumpanija Green Eyes Ltd li deher għaliha bħala avukat jew segretarju tal-kumpanija Pierre Lofaro li jiġi r-raġel tal-imħallfa Abigail Lofaro. Pierre Lofaro kien saħansitra preżenti meta sar il-konvenju.

F’artiklu preċendenti għidt li ma kienx Yorgen Fenech li ried li l-ħlas isir fi flus kontanti, iżda min kien qed ibiegħ. Ara fuq dan il-punt, il-media tal-qaddisin li jimxu fl-art ma tgħid xejn!

Mhux ċar iżda jekk dan is-sid Ċiniż għamilx xi konvenju ma’ Joe Camilleri u meta Joe Camilleri kien għadu fuq konvenju, dan biegħ lil Yorgen Fenech jew inkella l-bejgħ kien wieħed dirett bejn iċ-Ċiniż u Joe Camilleri.

Biss dak li hu stramb f’din l-istorja kollha huwa l-fatt kif il-media mhix interessata tippubblika ċ-chats bejn Rosianne Cutajar ma’ Yorgen Fenech. Infakkar li l-media kellha xalata tippubblika chats ta’ Yorgen Fenech li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kawża tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Saħansitra ppubblikat chats fejn Rosianne Cutajar talbet lil Yorgen Fenech jgħinha f’survey li riedet tagħmel. Imma imbagħad il-media ma għandix interess fiċ-chats bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar li jkunu ppubblikati meta din għandha aċċess għalihom kif kellha aċċess għall-chats oħra ta’ Yorgen Fenech. Għaliex? Dan għaliex, dawn iċ-chats jikkorraboraw il-verzjoni ta’ Rosianne Cutajar u ma jistgħux jitfgħu f’dawl ħażin fuq Yorgen Fenech. 

Hawn wieħed irid jgħid li l-Kummissjaru tal-Istandards Pubbliċi, George Hyzler talab lill-Maġistrata Rachel Montebello tagħtih aċċess għal dawn iċ-chats bejn Yorgen Fenech ma’ Rosianne Cutajar. Dr. Hyzler għamel talba formali imma l-maġistrata Rachel Montebello ma laqgħatx it-talba tiegħu.

Biss Rosianne Cutajar kellha kopja tagħhom u għaddiethom lill-Kummissarju tal- Istandards Pubbliċi George Hyzler. Skont Cutajar innifisha meta kkontattjatha dwar dawn iċ-chats, qaltli li dawn huma prova aħħarija li ma ħaditx senserija imma l-flus li għaddew kienu biss rigal mingħand Yorgen Fenech.

Fuq kollox, Rosianne Cutajar tgħid li kieku kien hemm vera sensarija min-naħa tagħha, hija kellha dritt tkun preżenti għall-konvenju għand in-nutar. Fil-fatt qatt ma kienet ġiet mistiedna tkun preżenti. Rosianne Cutjar kompliet issostni li hija qatt ma ltaqgħet ma’ Pierre Lofaro u qatt ma kellha telefonati mingħand Joe Camilleri.

Dak li jissorprendik f’dan il-każ li hemm żewġ versjoni minn Joe Camilleri fejn ħallas is-senserija. Darba qal li tħallset f’cafetterija u darba oħra f’restuarant. Fatt jew dettal bħal dan, fejn wieħed ma jiftakarx eżatt fejn tħallsu dawn il-flus kollha f’senserija jħallik ftit sorpriż u wieħed kien jistenna aktar attenzjoni għal dan il-punt fir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi.

Leave a Reply