Michael Fenech Adami jibgħat email biex jivvutawlu għall-esekuttiv

Blog post minn osservatur politiku

Illum ġejt onorat b’email minn għand Michael Fenech Adami. Naf li ħiereġ għall-esekuttiv u nawguralu. La rċevejt din l-email għalija tfisser li Michael ma għadux jibbaża l-popolarita tiegħu fuq kunjomu u ma għadux jafda fil-vot awtomatiku tiegħu għax it-tifel tal-kbir ex-Prim Ministru tagħna. Biss il-mistoqsija tiegħi hija prinċipalment waħda li lili tinkwietani ħafna.

Eżattament Michael int f’isem min ħiereġ għall-esekuttiv? U forsi nistaqsi din ukoll, inti għalfejn trid tkun membru tal-esekuttiv biex tgħin lill-Partit Nazzjonalista jew biex tesprimi l-opinjoni ta’ Repubblika u l-fidili kollha tagħha? S’issa għadni ma rajt ebda ċaħda minnek għall-għajnuna kontinwa li tagħti lis-soċjeta ċivili li bir-rispett kollu Michael, dawn huma għaqdiet li kienu fuq quddiem biex ġabu lill-Partit Nazzjonalista fejn hu llum. Int flimkien ma’ dawn l-elite u tal-ewwel tier, għażiltu biex tifformaw għaqdiet u tisirqu nies Nazzjonalisti b’żewġ skużi prinċipali.

L-ewwel biex tkomplu xxejru l-bandiera ta’ Daphne u tkomplu xxandru kitbitha.

It-tieni biex ingħaqadtu ħalli tagħmlu dak li għamiltu kontra kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan għamiltuh flimkien ma nies bla prinċipju, il-blue heroes, u jekk għandkom kuxjenza araw fejn wassaltu l-partit illum.

Barra minn hekk, int se tkun fl-esekuttiv biex tħossok aktar komdu tilagħbha ta’ r-raġel li tikkomunika bejn is-soċjeta ċivil u l-Partit Nazzjonalista? Jiena wieħed minn dawk li l-ħsara li għamlu l-partit dawn in-nies ma nista’ ninsiha qatt. Dawn abbandunaw il-partit u sabu vuċi fl-għaqdiet tas-Soċjeta Ċivili, ma nista’ ninsieha u naċċetta qatt u qatt.

Ħbieb nibqgħu kemm trid. Imma kollegi fl-esekuttiv jew fil-Partit Nazzjonalista ma nistgħux nissejħu. Jien għext ħajti ngħin il-partit u naħlef fuq dak kollu li trid, li jien dejjem aċċettajt l-għażla demokratika li għamel il-partit bi kwalunkwe vot li ħadu jew l-membri tal-esekuttiv jew it-tesserati. Int, Michael, dan ma tistax tgħidu għax int kont wieħed minn dawk li għamilt ħiltek kollha biex ittajjar wieħed mill-kapijiet tiegħek, kemm bħala mpjegat tal-partit u anke meta spiċċajt mix-xogħol tiegħek fil-partit u ingħaqdat fl-uffiċju ta’ wieħed mill-MEPs.

Fl-email tiegħek, fl-ewwel paragrafu, qed tammetti li l-Partit Nazzjonlista irid ‘jerġa jibda joffri’. Inti għidt li jrid jerġa’ jibda’ joffri l-aqwa viżjoni, għażla u futur. Imma bin-narrattiva ta’ min? Ta’ Repubblika? Tas-Soċjeta Ċivili? Kun ċar fi kliemek. Għax int naf li taqbel man-narrattiva ta’ dawn in-nies u għalhekk b’dispjaċir ikolli ngħidlek li postok żgur li mhux fl-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Imma waħda mill-isbaħ kliem li tuża fl-email tiegħek Michael hija l-kelma jrid ‘jingħaqad’. Int bis-serjeta tuża dan il-kliem ta’ għaqda? Ħalli nfakkar x’għamilt int ftit tax-xhur ilu, għax din il-kelma ġejja minn għandek hija offensiva. Meta kien ikun hemm xi survey imtella’ minn xi portal, int kont ivvutajt mal-Labour kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u wara għidtilna li kien żball.

Kif tista’ xi darba Michael tittieħed bis-serjeta’ meta anke f’sempliċi survey, il-ħsieb uniku tiegħek kien li żżeblaħ il-kap tiegħek? U mela int tista’ tgħaqqad f’ġieħ Alla li hemm fis-sema! Michael, int ma għandek ebda dritt tuża il-kelma ‘tgħaqqad’ meta tirreferi għall-Partit Nazzjonalista għax tkun qed tgħid gidba oxxena, faċċola u sagrilega.

Semmejt l-imħabba lejn il-Partit Nazzjonalista. Dik trid tkun imsawra ġo fik u mhux tuża kif u meta jaqbillek ħabib. Int ma tistax tuża l-arma tal-Partit Nazzjonalista meta trid int u meta jaqbillek. Dik għażiża wisq għalina biex int Michael Fenech Adami, iżżeblaha jew biex tinqeda biha għall-aġenda tiegħek.

One comment

Leave a Reply