Għaliex ma kienx hemm laqgħa tal-grupp parlamentari din il-ġimgħa?

Blog vote minn osservatur politiku

Mhux żmien twil ilu, kull darba li kien joħroġ survey, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista kienet titheżżeż. L-ewwel theżżiża kienet toħodha bir-riżultat u wara kienet tkompli titheżżeż bl-għajjat u t-tgħajjir ta’ numru ta’ deputati lejn il-kap tagħhom Adrian Delia. Ma rridx ninsa’ nsemmi l-membri tal-parlament Ewropew, speċjalment dak maskili. Ma dawn kienu jingħaqdu nies fl-esekuttiv li l-ħdura ta’ sħabhom illupjathom u ġew użati kważi b’kunsens totali. Il-kondizzjoni kienet waħda. L-objettiv ried jintlaħaq. U l-laqgħat baqgħu għaddejjin u ġieli saru aktar minn waħda kull ġimgħa. Kemm rajna xeni wara kull survey. Kemm rajna nies deħlin id-Dar Ċentrali miftehmin u bħal qaqoċċa magħqudin flimkien b’għann wieħed. X’kien jimpurthom dak iż-żmien x’qed jagħmel il-Gvern. Lanqas każ jekk kienx qed jgħaffeġ. Ftit li xejn kienu qed jagħtu każ kemm kien qed jonqos milli jgħataw dak li kienu qed jitolbu minnu l-Moneyval u l-FATF. X’kien jimpurthom dawn is-suppost deputati tal-ħabbagozz. Imbagħad jiġi jippriedkawlna li t-tort tal-greylisting jaqa’ kollu kemm hu fuq il-Gvern tal-ġurnata. Fejn kontu intom sinjuri deputati u ħbiebkom f’dak iż-żmien? Fejn kontu tiltaqgħu biex taħarqu Kap, flok taraw x’qed jgħaffeġ il-Partit fil-Gvern?

U intom qed taħsbu li r-responsabilita’ se taqa’ kollha kemm hi fuq il-Gvern talli weħilna mill-eżami u tpoġġejna fuq il-lista l-griża? Intom, suppost oppożizzjoni, kontu qiegħdin taraw x’qed jagħmel il-gvern. Kontu kkonċentrati fuq l-atteġġjament u d-deċiżżjonijiet li kienu qed jittieħdu mill-kabinet tal-Gvern? Jew kontu mitlufin minn sensikom, bl-għira, bi ħdura, b’dispreżż u b’għann wieħed biex twarrbu lil Dr Delia? Kemm-il darba ġbidtu l-attenzjoni tal-Gvern fi żmien tant delikat biex tgħinu lill-pajjiż ma jaqax f’kuluri koroh? Taħsbu li aħna ma konniex qed nisimgħukom fil-Parlament titkellmu? Intom taħsbu li ma nafux x’kontu tagħmlu wara l-Parlament u fejn kontu tiltaqgħu biex tikkonfoffaw? U llum x’qed jiġri fil-Partit?

U hawn tiġi mistoqsija taħraq ħafna u naraw minn għandu il-kuraġġ jirrispondi. Għaliex ma kienx hemm laqgħa tal-grupp parlamentari din il-ġimgħa? Kif jista’ jkun li wara survey diżastruż bħal ta’ nhar il-Ħadd, Dr Grech lanqas jindenja ruħu jgħajjat il-grupp parlamentari? Minn x’hiex beża’ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista? Kif jista’ il-Kap tal-Partit ma jiddiskutiex in-numri tal-blieh tas-survey? Kif jista’ jkun li l-grupp parlamentari ma ltaqax biex jara u jifhem x’qed jgħidlu l-elettorat? Kif tistgħu lanqas biss tindenjaw irwieħkom taraw kif se toħorgu minn dan il-kollass straordinarju, meta suppost kulħadd kuntent, kulħadd ferħan għax il-kap waqa’ u tela’ ieħor minn floku? Kif jista’ jkun wara dawk il-konfoffi kollha, wara dak il-ġakbinar kollu, wara dak il-ftehim kollu, wara dawk id-deċiżjonijiet minn wara dahar kulħadd, issa ninsabu agħar milli konna qabel għalkemm inbidel il-Kap għax skond intom hu kien il-kaġun? Kif jista’ jkun li wara li ħliftu, wegħedtu u tajtu l-kelma tagħkom li kollox se jkun aħjar, li kollox se jimxi ‘l quddiem, li l-Partit se jkun ta’ sfida qawwija għall-Gvern kif appena jinbidel il-Kap? Kif nistgħu xi darba nemmnukom? Kif nistgħu xi darba nafdawkom?

Intom qridtu Partit. Intom qed tisparixxu partit. Intom ġibtu lis-sostenituri u n-Nazzjonalisti veri jemmnu li biex ifiq il-pajjiż irid iżarma l-Partit Nazzjonalista. Din il-mossa ta’ din il-ġimgħa li ma jkunx hemm laqgħa tal-grupp parlamentari, jien norbota mas-survey li sar il-Ħadd li għadda. Lanqas int Dr Grech ma kont kapaċi tgħajjat in-nies, li suppost qiegħdin madwarek, biex taraw x’se tagħmlu biex forsi l-feriti jibdew ifiqu. Int Dr Grech li donnok bżajt tiddiskuti r-riżultat diżastruż fuqek. Intom sinjuri deputati li lanqas indenjajtu ruħkom tiċċaqalqu biex forsi tiddiskutu xi tip ta’ soluzzjoni, jekk għadkom tafu kif, x’messaġġ qed toffrulna lilna n-Nazzjonalisti?

Ħa ngħidulkom aħna, jekk intom tliftu l-interess, aħna ma tlifnix il-kuraġġ. Jekk intom qtajtu qalbkom, aħna nerġgħu nqumu għall-okkazzjoni imma mingħajrkom. Jekk intom ħsibkom biss li terġgħu tpoġġu fuq il-pultruna l-ħadra wara l-elezzjoni, se tiżbaljaw bl-ikrah għax aħna mhux beħsiebna mpaxxukom. Intom li mingħalikom se taqdfu għal raskom u timxu bl-aġenda personali tagħkom, aħna se nirribellaw u nurukom li, dawk li għamlu tant ħsara, il-famużi blue heroes, qed inwiegħdukom li għalkemm mingħalikom li l-partit għad għandu bżonnkom, aħna se ngħidulkom li aħna għall-kuntrarju ma rridukomx. Żarmaw għax jekk ma żżarmawx intom se inżarmawkom aħna.

Dr Grech, in-nuqqas ta’ diskussjoni fil-grupp parlamentari, dwar survey diżastru juri biss ħaġa waħda. Inti bżajt tiffaċċja lil sħabek. Inti bżajt minn xi vot ta’ sfiduċja fik. Qegħdin fl-eqqel tas-sajf imma jidher li fil-Partit reġa’ qed iberraq.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *