Block vote kontra wieħed mill-membri tal-fergħat

Blog post minn osservatur politiku

President ta’ waħda mill-fergħat tal-Partit Nazzjonalista tawgura tlieta mill-membri tal-fergħa ‘good luck’ għall-elezzjoni tal-esekuttiv u tħalli barra membru oħra. Din hija konferma ċara li din il-fergħa partikulari qed tagħmel block vote fost il-membri tagħha stess. Flok il-President qagħdet gallarija u ma tkellmet xejn jew almenu awgurat lill-erba’ membri tagħha, din għoġobha taqsam kumitat bil-preferenzi tagħha. Se nkun qed nistenna li l-Kap jew is-Segretarju Ġenerali jibgħatu għal din il-President u jieħdu passi dixxiplinarji.

Dan huwa musmar ieħor imsammar fit-tebut tal-Partit Nazzjonalista. Biex ikollok president ta’ fergħa tittratta u timxi ma’ membri tal-fergħa tagħha b’mod diviżiv, jiddispjaċini ngħid ma hemmx fejn tasal iżjed. Għal din is-sinjura hemm membri tal-fergħa tal-ewwel klassi u membri oħra tat-tieni klassi. Din qed tinsa li dawn huma kollha Nazzjonalisti u fuq kollox qed jagħtu ħinhom b’mod volontarju. B’din il-mossa ta’ din il-president, li min għalija taf ħafna, qed turi kemm id-diviżżjoni li nieżla minn fuq, qed tasal f’livelli oħra tas-sezzjonijiet tal-partit.

Issa għandna prova ċara li fil-fergħat, għall-inqas f’waħda minnhom, jeżisti qsim bejn Nazzjonalisti stess. Imbagħad niskantaw meta l-Partit Laburista, meta jindirizza lill-Kap tal-Oppożizzjoni, jgħidlu biex imur jindirizza u jsewwi daru qabel jipponta subajh lejn id-dar tal-avversarji tiegħu. Dan huwa messaġġ li jekk il-partit ma jaħdimx fuqu jkun qed jikkonferma li kuntenti b’atteġġjamenti bħal dawn. Il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem li dan l-esekuttiv diġa’ ta prova ċara li tilef il-fiduċja tal-kunsilliera u t-tesserati tiegħu. U dan qed ngħidu għaliex ma niftakar qatt numri daqstant baxxi bħala numru ta’ kandidati biex jintlew mill-kunsilliera fil-kumitat tal-esekuttiv. Jiena niftakar, anke sal-aħħar wieħed, li kien hemm għexieren ta’ kunsilliera li tefgħu il-kandidatura tagħhom, kemm nisa kif ukoll irġiel, biex jakkwistaw post fl-esekuttiv.

Mela minn għexieren tinżel għal 9 irġiel u 10 nisa, hija turija ta’ disfatta kolossali. B’messaġġ diviżiv bħal dan minn president ta’ fergħa, li allura hija membru b’mod awtomatiku fl-esekuttiv, tkompli tifhem għaliex anke fl-eżekuttiv, l-għola organu tal-Partit, hemm diviżjoni sħiħa tirrenja. B’dan l-atteġġjament imnejjek tagħha, xelgħet bozza fuq l-esekuttiv, għax qed turi b’mod ċar li bid-diviżżjoni li ħolqot internament fil-fergħa tagħha, qed tipprova tibgħat fl-esekuttiv nies li jappartjenu għall-fazzjoni partikolari li llum tirrenja bi ħġara fl-istess esekuttiv.

Leave a Reply